It-tmexxija ħażina fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, fejn nisa b’każijiet soċjali qed jinżammu fil-Ward Ġenerali tal-Irġiel, qed twassal biex numru ta’ operazzjonijiet qed ikollhom jitħassru għax m’hemmx biżżejjed sodod għal operazzjonijiet kirurġiċi u ortopediċi.
Dan qalitu l-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) fi stqarrija, wara li l-Gvern baqa’ ma indirizzax “is-sitwazzjoni prekarja” li jinsab fiha l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, fejn ħafna sodod qed jibqgħu okkupati minn persuni b’każijiet soċjali jew anzjani, mingħajr ma jifdal spazju għalmin għandu problemi akuti jew fi bżonn ta’ operazzjonijiet.
L-MUMN qalet li fil-ġimgħat li għaddew kellha toħroġ diversi direttivi wara li t-tmexxija tal-Isptar f’Għawdex baqa’ ma għamel xejn biex isolvi din il-problema ta’ ffullar. Fakkret li jekk is-sitwazzjoni ma tiġix indirizzata, l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex se jispiċċa f’sitwazzjoni fejn ma jkunx jista’ jilqa’ aktar pazjenti ġodda, inkluż dawk li jbatu b’kundizzjonijiet respiratorji.
L-MUMN qalet li t-tmexxija tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex ma tantx taraha żżur is-swali fl-Isptar, bit-tama li tindirizza s-sitwazzjoni. Filwaqt li sostniet l-appell lill-Ministru tas-Saħħa biex jindirizza s-sitwazzjoni, l-MUMN sostniet li se tkompli timpenja ruħha b’risq ambjent aċċettabbli fejn il-membri tagħha jkunu jistgħu jaħdmu aħjar.
//= $special ?>