Qorti

Raġel li għandu l-problema ta’ droga mixli b’serq ta’ flus minn bar

Raġel li għandu problema tal-vizzju mid-droga nżamm taħt arrest preventiv, minkejja li wieġeb mhux ħati li seraq madwar €650 fi flus kontanti minn bar fil-Marsa.

Kersten Catania ta’ 23 sena, li qal li huwa jgħix fi stalla fi Triq is-Serkin fil- Marsa, ġie mixli li seraq il-flus minn McKay Bar, fil-Marsa stess u dan bejn l- 10.15a.m. u l-11a.m. Sorsi tal-Pulizija qalu li r-raġel inqabad jisraq permezz ta’ filmati tas-CCTV camera.

Mr. Catania, li fil-passat diġa kien instab ħati fuq serq ukoll, ġie mixli li kiser il-kundizzjonijiet mogħtija lilu mill-Qorti fuq każ ieħor, fejn kien instab ħati li seraq flus mill-Qormi football club nursery, liema serqa saret fis-sena 2009. Huwa kien mar ukoll seba’ xhur ħabs wara li nstab ħati li kien seraq mill- Marsa Golf Club.

L-Avukat Difensur Gianluca Caruana Curran ma għamel l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest iżda għamel talba biex il-klijent tiegħu jinżamm fis-sezzjoni forensika tal-isptar Monte Carmeli. It-talba nltaqet mill-Qorti. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Robert Vella.