Żabbari qal fil-Qorti li Finalndiż tah bi flixkun għal xejn b’xejn wara li dan aggredih, iżda meta nġibditlu l-attenzjoni għaż-żewġ ‘black eyes’ li kellu l-akkużat ċaħad li kien hu li għamilhomlu
Christopher Vassallo kien qed jixhed fil-kumpilazzjoni ta’ Tatu Antero Oksanene, il-Finlandiż ta’ 33 sena li qed jiġi mixli li kkaġuna ġrieħi grievi fuq il-Malti u li ipprova jisraq mill-vann tiegħu.
Vassallo qal li fl-4 ta’ Jannar li għadda, għall-ħabta tal-4.15 a.m., huwa kien qiegħed Paceville sejjer lura lejn il-vann meta ra barranin jipprova jniżżel it-tieqa tal-vann tiegħu.
Huwa mar fuqu u peress li ra li kellu dehra ta’ barrani, u qallu bil-lingwa Ingliża li dak il-vann kien tiegħu. Madankollu l-barrani wieġbu, “le”. Vassallo sostna li f’ħin minnhom il-barrani, li huwa identifika bħala l-akkużat, qabdu u tefgħu lejn in-naħa ta’ wara tal-vann imbagħad kisser flixkun mal-‘bumper’ u tah daqqa fuq in-naħa tax-xellug ta’ wiċċu u għamillu 12-il punt.
L-allegat vitmma qal li huwa ħarab lill-akkużat fejn mar jitlob l-għajnuna u eventwalment kien hemm xi nies fi stabbiliment li għenuh u ċemplu għall-ambulanza. Fl-awla Vassallo ħareġ ukoll minn ġo baskett ġakketta u xalla li kien liebes u li, skont hu, għad għandhom id-demm fuqhom.
Huwa offra li jippreżentahom fil-kawża bil-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, li qed tisma l-każ, tgħid li qatt ma kienet iffaċċjata b’sitwazzjoni bħal din għax soltu tkun il-Pulizija li tippreżenta l-esebiti. Kien hawnhekk li fuq talba talba l-marixxall tagħha ġabet borża sewda u x-xhud tefa l-ġakketta u x-xalla fihom.
Meta kien mistoqsi jekk kienx hu li ikkaġuna l-ġrieħi f’wiċċ l-akkużat, Vassallo ċaħad li kien hu u qal ukoll li ma ra lil ħadd iħebb għall-Finlandiż.
L-Avukat Michael Sciriha, li qed jidher ‘parte civile’ għal Vassallo, talab lill-Qorti biex tqabbel l-istatura tax-xhud ma’ dik tal-akkużat.
Minn naħa tagħha, l-Maġistrat Stafrace Zammit ħatret ukoll lill-ispiżjara Marisa Cassar biex tanalizza l-ġakketta u x-xalla ta’ Vassallo u tara jekk id-demm li kienx hemm fuqhom kien tiegħu. Għal Finlandiż qed jidher l-Avukat Franco Debono. L-akkużat kien qiegħed Malta fuq vaganza u għadu qed jinżamm taħt arrest fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
//= $special ?>
