Futbol Sport

Andrew Hogg magħżul mal-aħjar ħdax tas-Super Liga fil-Greċja

Il-goalkeeper internazzjonali Malti u ta’ Kalloni fil-Greċja, Andrew Hogg intgħażel fost l-aħjar ħdax il-plejer tas-Super Liga Griega hekk kif fit-tmiem il-ġimgħa li għaddiet intemm l-ewwel rawnd ta’ dan il-Kampjonat.

L-għażla ta’ Hogg f’din il-lista tikkonferma l-prestazzjonijiet tajbin li l-Malti qed ikollu ma’ Kalloni. It-tim tiegħu preżentament jinsab fl-għaxar post fil-klassifika Griega u ironikament, minkejja din il-pożizzjoni, Kalloni hu t-tieni l-inqas tim li s’issa sofra gowls fis-Super Liga Griega b’total ta’ 13-il gowl; l-istess ammont daqs il-leaders Olympiakos Piraeus u wieħed inqas minn Panaitolikos.

Żgur li Hogg għandu mertu fis-saħħa difensiva ta’ Kalloni u l-problema li t-tim tiegħu mhux qegħdin fuq quddiem fil-klassifika hi għan-nuqqas ta’ gowls li skorjaw s’issa fil-Kampjonat; 12-il gowl b’kollox.

Matul dan ix-xahar, rapporti fil-Greċja qalu li Hogg kien qed jinteressa numru ta’ klabbs mill-istess Kampjonat li qed jilgħab fih hekk kif il-kuntratt ta’ Hogg ma’ Kalloni jiskadi fl-aħħar ta’ dan l-istaġun.

Iktar aħbarijiet dwar trasferimenti lokali fuq Replay (Net Television).