Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ b’sodisfazzjon il-qbil li ntlaħaq biex iktar tard din il-ġimgħa jsiru sensiela ta’ taħdidiet dwar il-Libja taħt l-awspiċji tan-Nazzjonijiet Uniti f’Ġinevra.
Stqarrija mix-Shadow Minister għall-Affarijiet Ewropej u Barranin Roberta Metsola u l-kelliem għall-Affarijiet Baranin u l-Politika tal-Mediterran Tonio Fenech, tgħid li dawn it-taħdidiet huma opportunita’ importanti sabiex tinstab soluzzjoni politika għall-kriżi tal-Libja.
L-Istqarrija tkompli li l-kunflitt fil-Libja qed iwassal għal instabilita’ fir-reġjun tal-Mediterran u l-poplu Libjan qed iħabbat wiċċu ma’ sitwazzjoni li kull ma jmur sejra għall-agħar.
Il-PN iħeġġeġ bil-qawwa lill-partijiet kollha biex jissieħbu fi djalogu kostruttiv għaliex dan hu l-uniku mezz biex tiġi żgurata l-istabbilita’ fil-pajjiż. Id-diskussjonijiet għandhom iwasslu għal formazzjoni ta’ gvern u t-tkomplija ta’ riformi kostituzzjonali. L-implikazzjonijiet politiċi, ta’ sigura’ u ekonomiċi fuq il-poplu Libjan u r-reġjun kollu jkunu diżastrużi jekk il-Libja tikkollassa.
Il-PN jappella lill-Gvern Malti biex iżomm lill-pubbliku infurmat bis-sħiħ dwar l-iżviluppi fil-Libja u jissieħeb fl-impenn biex tinstab soluzzjoni fil-Libja.
//= $special ?>