Il-Parlament illejal approva mill-istadji tat-Tieni Qari l-Abbozz ta’ Liġi mressaq mill-Oppożizzjoni dwar Stili ta’ Ħajja Sana biex titnaqqas il-problema tal-obeżità.
Fid-dibattitu tal-lejla, tkellmu fost l-oħrajn il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, li semma l-ħidma pożittiva, proattiva u kostruttiva li qed twettaq l-Oppożizzjoni fil-Parlament biex mhux biss tikkritika u tiskrutinja x-xogħol tal-Gvern, iżda li tipproponi wkoll abbozz ta’ leġiżlazzjoni sħiħa. Dan minbarra li l-Oppożizzjoni qablet diġà tul din il-leġiżlatura ma’ 90% tax-xogħol li ressaq il-Gvern fil-Parlament.
Simon Busuttil fisser li għall-ewwel darba, Oppożizzjoni ressqet abbozz ta’ liġi li tfassal u tressaq mill-Oppożizzjoni, u hawn faħħar il-ħidma kbira li wettaq id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar favur liġi li se tkun l-ewwel waħda tax-xorta tagħha fl-Ewropa għad-dettal u għall-innovazzjoni li biha qed titressaq din il-liġi li tindirizza l-problema reali tal-obeżità f’pajjiżna.
Id-dibattitu dwar dan l-Abbozz ta’ Liġi ingħalaq mid-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar, li appella biex fid-diskussjoni dwar dan l-Abbozz ikun hemm is-sehem u l-parteċipazzjoni tal-Parlament sħiħ biex verament l-abbozz jissarraf f’liġi favur stili ta’ ħajja aktar b’saħħitha.
L-Abbozz ta’ Liġi dwar Stili ta’ Ħajja Sana kien approvat mill-istadji tat-Tieni Qari, u kien sekondat ukoll mid-Deputat Laburista Godfrey Farrugia.
//= $special ?>