Internazzjonali

Cameron jista’ jwaqqaf l-użu tal-Whatsapp

Teżisti possibilta’ li fir-Renju Unit jiġi mblukkat l-aċċess għas-servizzi tal-Whatsapp u SnapChat – applikazzjonijiet tat-telefowns ċellulari li jintużaw biex jintbagħtu messaġġi u ritratti bejn persuna u oħra.

Il-Prim Ministru Ingliż David Cameron ħabbar li pajjiżu jista’ jieħu din il-miżura drastika sabiex jiġi limitat it-tixrid ta’ messaġġi u informazzjoni għal skop ta’ terroriżmu. Dan fid-dawl tal-attakki imdemmija li seħħew fi Franza l-ġimgħa li għaddiet.

Issa fir-Renju Uniti qam furur sħiħ fid-dawl ta’ din il-miżura, li tista’ tidħol fis-seħħ kemm-il darba Cameron jirbaħ l-elezzjoni ġenerali.

Il-miżura ta’ Cameron biex jiġġieled it-terroriżmu tista’ tillimita wkoll l-użu ta’ Facetime u l-iMessage, u anke applikazzjonijiet oħrajn bħal Telegram.