Lokali Qorti

Disa’ xhur ħabs għal tnejn mill-Kamerun fuq frodi

Żewġt irġiel mill-Kamerun kienu kkundannati disa’ xhur ħabs kull wieħed mill-Maġistrat Doreen Clarke wara li ammettew li ppruvaw jiffrodaw persuna permezz ta’ karti tal-flus miżbugħin.

Meta tressq f’jum il-Vitorja li għadda, Marcelin Kamwa ta’ 37 sena u Jean Jacques Tientcheu ta’ 40 sena kienu wieġbu li ma kienux ħatja li pprovaw jiffrodaw raġel bil-metodu magħruf bħala black money scam, fejn il-karti tal-flus jinżebgħu suwed.

L-irġiel issa ddeċidew li jammettu l-akkużi miġjuba kontrihom u għalhekk ingħatat sentenza fil-konfront tagħhom.

L-Ispettur Jonathan Ferris, li mexxa l-każ, kien qal fil-Qorti li kien ġie infurmat li Kamwa u Tientcheu kienu avviċinaw raġel biex mingħandu jixtru vettura tat-tip Hummer 4×4 għas-somma ta’ €50,000. Huma kienu qalulu li kienu se jagħtuh flus kontanti iżda dawn ikunu miksijin b’żebgħa sewda li tista’ tinħasel b’taħlita li tinkludi l-Vitamina Ċ.

L-għada, l-Ispettur u l-kollegi tiegħu segwew lill-imputati li saqu lejn Qui Si Sana, f’Tas-Sliema, fejn użaw karta ta’ €50 ġenwina biex juru lir-raġel kif jaħsel il-flus miż-żebgħa. Il-vittma kien informa lill-Pulizija li kien se jerġa’ jiltaqa’ mal-imputati biex jiffinalizza l-bejgħ. Għalhekk il-pulizija marru fil-post indikat lilhom, fejn sabu lill-imputati jippreparaw karti tal-flus foloz biż-żebgħa.

Għalihom deher l-Avukat Anthony Stellini.