Lokali Qorti

Familja ta’ anzjan tressaq rikors għax “kien abbandunat f’San Vinċenz”

L-armla u ulied anzjan, li miet is-sena li għaddiet, ippreżentaw rikors kostituzzjonali fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili kontra l-Kap Eżekuttiv tar-Residenza San Vinċenz de Paule, kontra s-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali u t-Taqsima tal-Anzjanità Attiva.
Huma qed jallegaw li huwa sofra minn trattament degradanti u kien medikament abbandunat, għalhekk qed ifittxu kumpens.

L-anzjan, Leonard Thomas Lancaster li kellu 81 sena, miet fit-28 ta’ Awwissu li għadda.
Il-qraba qalu li l-anzjan spiċċa vittma ta’ nuqqas ta’ attenzjoni u aġir irresponsabbli min-naħa tal-infermiera fis-Sala St. Joseph 2, u bata minn insensittività mill-membri tal-istaff.

Spjegaw kif xahar qabel miet, l-anzjan kien ġie trasferit fit-Taqsima tal-Kura Intensiva fl-isptar Mater Dei għax ma kienx qed jiġi trattat sew fir-Residenza San Vinċenz de Paule. Ir-rikors isemmi kif it-tobba f’Mater Dei stabilew li l-anzjan kien qed ibati minn nuqqas ta’ idratazzjoni, minn ulċeri u minn kundizzjonijiet oħra minħabba li kien abbandunat f’San Vinċenz de Paule. Kellu wkoll feriti li kienu tħallew jikkankraw għax kienu ilhom fuqu.

Il-qraba saħqu wkoll li minkejja l-kundizzjoni ta’ hypothermia, fid-dar tal-anzjani Lancaster kien jitħalla fil-kuritur taħt l-airconditioning għal sigħat sħaħ u f’xi okkażjonijiet mingħajr il-ħwejjeġ adegwati. Dan, meta l-ħaddiema tas-sala kienu jafu li hu kellu diffikultà biex jitkellem. Ir-rikors isemmi li minkejja lmenti mill-qraba mal-ħaddiema tar-residenza, b’rabta ma’ nuqqas ta’ kura u ndafa adegwata, il-ġrieħi li żviluppawlu tħallew jiddeterjoraw u l-infezzjonijiet ġrew ma’ diversi partijiet ta’ ġismu.

Il-qraba argumentaw li minħabba dan kollu lill-anzjan tneħħietlu d-dinjità tiegħu. Fost l-oħrajn, qed jinsistu li kif ġie ttrattat kien jikkostitwixxi theddida serja għad-dritt għall-ħajja waqt li ġew vjolati drittijiet oħra, tiegħu u tal-qraba tiegħu, skont il-Konvenzjoni Ewropea. Għalhekk qed jintalab il-ħlas ta’ kumpens lill-werrieta tiegħu.

Ir-rikors kien ippreżentat mill-Avukat Tonio Azzopardi.