Lokali

“Ġennata” li l-MTA ħa tnaqqas ir-reklamar fir-Renju Unit bi 30%

Il-lukandier Michael Zammit Tabona ddeskriva bħala “ġennata” l-proposta tal-MTA li tnaqqas ir-reklamar fir-Renju Unit bejn 20 u 30% ta’ dak li qed tinvesti bħalissa.
Il-proposta, li ġiet żvelata mill-ġurnal Malta Today, hi f’rapport kunfidenzjali intern li għadda għand aġenzija turistika fir-Renju Unit. Jidher li l-ewwel reazzjoni tal-MTA kienet li tinvestiga internament dwar kif ir-rapport ħareġ għand persuni terzi.
Michael Zammit Tabona, f’kummenti lill-istess ġurnal, fisser din il-proposta bħala waħda li ma tagħmilx sens għaliex ir-Renju Unit hu s-suq prinċipali għat-turiżmu lejn Malta waqt li minn din is-sena se jiżdiedu t-titjiriet minn hemm lejn Malta u lura b’10 fil-ġimgħa.
“Jien għidt lill-MTA li bil-linja tal-ajru Jet2 li se tibda b’10 titjiriet fil-ġimgħa, irridu nżommu lill-Air Malta, British Airways, Ryanair, Easy Jet, Thompson u Thomas Cook kollha jtiru”.
Is-sid tal-lukanda Fortina qal li bid-differenza bejn l-ewro u l-lira sterlina bħalissa, u l-ispejjeż għal-linji tal-ajru li huma 5% iktar, se jkun diġà diffiċli għalihom biex iżommu l-bejgħ fil-livell ta’ bejn 89 u 92%. Qal li l-mira għandha tkun li Malta tattira maż-żewġ miljun turist fi żmien tliet snin u dan ikun possibbli biss jekk jissaħħu s-swieq prinċipali.
Zammit Tabona, li diġà jinvesti eluf ta’ ewro fil-ġimgħa f’reklamar f’gazzetti Ingliżi, reġa’ kkritika l-miljuni ta’ ewro li l-Gvern jonfoq għall-kunċert ta’ Joseph Calleja u għall-kunċert Isle of MTV u qal li dawn ma jagħtu xejn lura lit-turiżmu. Insista li l-finanzjament ta’ dawn il-kunċerti għandhom joħorġu mill-baġit tal-kultura.
Il-lukandier qal li t-turiżmu lejn Malta żdied minn miljun ruħ fis-sena għal kważi 1,700,000 ruħ f’seba’ snin għaliex il-pajjiż beda jaċċetta linji tal-ajru low-cost u biddel il-politika tiegħu ta’ reklamar. Fakkar li Malta għandha kompetizzjoni qalila għat-turiżmu minn destinazzjonijiet oħra fil-Mediterran li huma l-Greċja, it-Turkija, l-Eġittu, it-Tuneżija, Ċipru, Spanja, l-Italja, Franza u oħrajn.