L-Istudenti li huma eliġibbli għal għajnuna supplimentari għadhom ma rċevewx il-pagament mill-istudent Maintenance Grants Board.
Ix-Shadow Minister għall-Edukazzjoni Therese Comodini Cachia appellat lill-Ministru Evarist Bartolo biex il-maintenance grants ta’ studenti li għandhom xi forma ta’ żvantaġġ, ikunu proċessati mingħajr dewmien.
Fi stqarrija, Therese Comodini Cachia qalet li ġiet ikkuntattjata minn numru mhux ħażin ta’ dawn l-istudenti li qed jistennew fuq ix-xwiek sabiex ikunu mgħarrfa jekk jikkwalifikawx għal din l-għotja addizzjonali.
Filwaqt li wieħed jifhem li jista’ jkun hemm dewmien minħabba n-numru ta’ applikazzjonijiet, Comodini Cachia sostniet li l-Ministru għandu jassigura li jkun hemm ir-riżorsi biżżejjed sabiex l-applikazzjonijiet ikunu ipproċessati fi żmien raġjonevoli. Anzi għandu jintervjeni biex din il-problema tkun riżolta mill-iktar fis possibbli.
Hi qalet li l-Gvern kollu għandu jżomm mal-wegħda tiegħu li jnaqqas il-burokrazija, speċjalment fil-konfront ta’ nies vulnerabbli.
L-Għotja supplimentari ta’ ftit iktar minn €285 kull erba’ ġimgħat tingħata lil studenti li jinsabu f’ċirkostanzi diffiċli, fosthom jekk ġejjin minn familji bi dħul baxx, ikollhom xi diżabilita’ jew għaddejjin minn xi perijodu diffiċli.
Fl-istqarrija il-PN awgura lill-istudenti kollha għall-eżamijiet li ġejjin fil-ġimgħat li ġejjin u tenna li se jkompli jisma’ u jappoġġja l-ħtiġijiet tagħhom.
//= $special ?>