Il-Gvern ma jridx jitkellem u jgħid kemm jiswa l-pakkett finanzjarju li l-Awtorità ta’ Malta dwar it-Turiżmu (MTA) ftiehmet mal-eksplejer internazzjonali Arġentin u eksplejer tal-Inter, Javier Zanetti, dwar kampanja pubbliċitarja u ta’ promozzjoni għal pajjiżna.
Għall-mistoqsija li għamel fil-Parlament id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar dwar din il-kampanja pubbliċitarja u ta’ promozzjoni bis-sehem ta’ Zanetti, il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis qal li l-ftehim huwa ta’ natura kummerċjalment sensittiva, u għaldaqstant l-informazzjoni dwar din in-nefqa mill-MTA ma tistax tingħata.
Id-Deputat Nazzjonalista staqsa b’reazzjoni għal din it-tweġiba, jekk il-Gvern jaħsibx li f’ġieħ it-trasparenza, għandux jagħti din l-informazzjoni dwar il-mod kif fondi pubbliċi qed jintefqu fis-settur turistiku, u b’mod partikolari fuq rotot li dan il-Gvern sab sodda mifruxa bis-suċċess li nkiseb mid-deċiżjoni tal-Gvern Nazzjonalista li jiftaħ is-suq lejn pajjiżna lil kumpaniji tal-ajru low cost li fl-aħħar snin għamlu suċċess u qed ikabbru u jsaħħu l-industrija tat-turiżmu fil-gżejjer Maltin.
Il-Ministru għat-Turiżmu, filwaqt li ma identifikax l-isem ta’ Zanetti li l-MTA tinsab f’kuntratt miegħu dwar kampanja ta’ promozzjoni għall-pajjiżna, baqa’ ma jridx jagħti l-informazzjoni mitluba mill-Oppożizzjoni.
Il-Ministru Zammit Lewis fisser meta wieġeb għall-mistoqsijiet li għamel id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar, li f’Mejju tal-2014 l-MTA ħejjiet programm lil Zanetti, fejn ġie mitlub sabiex jagħmel filming u photo shoot f’Malta u f’Għawdex sabiex jintużaw bħala promozzjoni għall-gżejjer Maltin fil-qasam tat-turiżmu sportiv u gruppi ta’ inċentivi.
Il-filming u photo shoot juru lil Zanetti jipprattika numru ta’ attivitajiet sporitvi, fosthom kampijiet tat-training tal-futbol, ibburdjar, ċikliżmu, rock climbing, diving u kayaking.
//= $special ?>