Ekonomija Lokali

Il-Kamra tal-Kummerċ ma taqbilx mat-taxxa l-ġdida fuq il-propjetà

Ritratt mill-Arkivji

Il-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija esprimiet nuqqas ta’ qbil qawwi mat-taxxa l-ġdida fuq il-propjetà, li ħabbar il-Gvern fil-Baġit 2015. Fi stqarrija, il-Kamra tal-Kummerċ qalet li temmen li t-taxxa l-ġdida se jkollha effett negattiv fuq is-suq tal-propjetà, li fl-aħħar perjodu kien qed juri sinjali li qed jirkupra.

Il-Kamra qalet li t-taxxa proposta se teffettwa negattivament il-proġetti l-kbar li qed jitwettqu u li huma proġettati biex jgħollu l-kwalità tal-propjetà residenzjali f’Malta. Ħafna minn dawn il-proġetti kienu finanzjati b’fondi pubbliċi bbażati fuq ir-regoli ta’ taxxi preżenti. Qalet ukoll li t-taxxa proposta se tipprovdi opportunità għall-abbuż għax tneħħi l-inċentiv għax-xerrejja biex jiddikjaraw il-valur propju tal-propjetà.

Fl-istqarrija, il-Kamra tal-Kummerċ wissiet li t-taxxa proposta tinkoraġixxi lill-iżviluppaturi biex ma jitolbux l-irċevuti fiskali relatati mal-ispjjeż u għalhekk ikun hemm anqas dħul għall-Gvern. Jekk il-Gvern irid ikun f’pożizzjoni li jdaħħal id-dħul dovut lilu minn taxxa fuq il-propjetà, il-proposta tal-Kamra tal-Kummerċ hi li jkun hemm tnaqqis fil-ħlasijiet tat-taxxa proviżorja, temmet tgħid l-istqarrija.