Internazzjonali

Iż-żejt: Qatt aktar m’hu se jinbiegħ aktar għal $100

Il-Prinċep Sawdi, Alwaleed bin Talal qal, f’intervista ġdida, li spiċċa ż-żmien meta barmil żejt seta’ jinbiegħ għal $100.

Fil-fatt — u meta l-prezz taż-żejt qed jonqos kontinwament — Bin Talal qal li ‘d-dinja għandha taċċetta dan it-tnaqqis konsistenti fil-prezz taċ-żejt bħala r-realta ġdida’.

Il-prezz taż-żejt niżel taħt il-$50 il-barmil u Talal, li kien qed iwieġeb il-mistoqsijiet tal-USA Today, qal li l-prezz irid ikompli jirreġistra tnaqqis f’każ il-provvista tibqa’ statika u d-domanda tibqa’ dgħajfa.

‘F’każ li tonqos il-provvista u tiżdied id-domanda għaż-żejt kapaċi niffaċċjaw sitwazzjoni fejn il-prezz jiżdied mill-ġdid, iżda ngħid b’ċertezza li qatt m’aħna se naraw ċirkostanzi fejn il-prezz ta’ dan ir-riżors jerġa’ jaqbeż il-$100′, insista l-Prinċep Sawdi.

Fl-istess ħin, Alwaleed bin Talal irredikola t-teoriji li l-Istati Uniti u l-Arabja Sawdita qed jieħdu sehem f”konfoffa’ biex il-prezz taż-żejt jibqa’ baxx ‘bl-iskop li jweġġgħu lill-President tar-Russja, Vladimir Putin’.