Lokali

Iż-żieda fit-taxxi mhix soluzzjoni għad-dejn ta’ pajjiżna

It-tmexxija ta’ Gvern Laburista fissret li l-poplu Malti u Għawdxi tgħabba b’miljun ewro aktar dejn kuljum. Dan jirriżulta minn ċifri ppubblikat llum mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika li juru kif id-dejn nazzjonali sploda bi kważi 500 miljun ewro fl-ewwel sena u nofs ta’ tmexxija Laburista.

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija f’isem is-Shadow Minister tal-Finanzi Mario de Marco u l-Kelliem għan-Negozji ż-Żgħar, Manifattura, Kummerċ, Self-Employed u Koperattivi Roberto Arrigo saħaq li dan huwa żvilupp li jħasseb serjament lill-Partit Nazzjonalista fid-dawl ta’ dak li seħħ madwarna fl-aħħar snin, fejn l-akbar kriżi ekonomika u soċjali riċenti rriżultat minn kollass tal-finanzi ta’ bosta pajjiżi ġirien tagħna wara snin ta’ infiq mingħajr għaqal. Aktar minn hekk, it-tkabbir tad-dejn jibgħat messaġġi negattivi dwar l-istabbilità ta’ pajjiżna – xi ħaġa li ma tiniżilx tajjeb ma’ investituri potenzjali li qed iħarsu biex jiftħu jew jespandu n-negozju tagħhom f’Malta. Dan ma jawgurax tajjeb fid-dawl tat-tnaqqis tal-fiduċja fost l-investituri kif irrappurtata s-sena li għaddiet.

Għal darb’oħra, l-akbar kontributur fiż-żieda tan-nefqa tal-Gvern reġgħu kienu l-pagi, riżultat dirett tal-politika ta’ jobs mal-Gvern li s’issa rat mal-4,700 persuna jsibu post maċ-ċivil mill-elezzjoni l-għaddiet ‘l hawn.

Fi stqarrija il-Partit Nazzjonalista kkonkluda li sfortunatament is-soluzzjoni li jidher li sab il-Gvern biex jilqa’ għaż-żieda fin-nefqa tiegħu hija li jintaxxa l-poplu Malti. Il-poplu Malti qed iħallas minn butu għal mod esaġerat ta’ kif żied l-ispiża tiegħu l-Gvern. Minn din is-sena, kien hemm żieda fuq il-liċenzji tal-karozzi, żieda fil-boll tal-assigurazzjoni, żieda fil-miżati f’għadd ta’ servizzi tal-Gvern, żieda fil-liċenzji tal-iswimming pools, żieda fil-ħlasijiet għall-passaporti, żieda fl-eżamijiet tal-Matsec u żieda fil-kiri ta’ krejns, fost l-oħrajn. Dan barra l-fatt li l-prezz tal-petrol u d-diesel baqa’ prattikament l-istess minkejja li l-prezz internazzjonali taż-żejt raħas b’aktar min-nofs.