Lokali

Joseph Muscat diġa’ dawwar ir-referendum f’politika partiġġjana – il-PN

Il-Prim Ministru Joseph Muscat għelbitu l-leblieba u diġa’ kiser il-wegħda tiegħu stess – dik li ma jippolitizzax ir-referendum tal-kaċċa. Illum waranofsinhar, il-Partit Laburista ħareġ stqarrija jattakka lill-Kap tal-Oppożizzjoni għax għadu ma qalx x’inhi l-pożizzjoni tiegħu dwar il-kaċċa tar-referendum.

Għal dan, il-Partit Nazzjonalista qal li waqt li bil-paroli jgħid mod, Joseph Muscat diġa’ ddeċieda li jdawwar ir-referendum tal-kaċċa f’eżerċizzju ieħor ta’ politika partiġġjana.

Il-Partit Nazzjonalista spjega li l-Kap tal-Oppożizzjoni diġa’ ta direzzjoni lill-Partit biex jiddiskuti s-suġġett fl-istrutturi nterni tiegħu, u li l-pożizzjoni se tkun pubblika ladarba ssir id-diskussjoni u ttieħdet id-deċiżjoni. Saħaq li dan hu dak li wieħed jistenna minn partit demokratiku.

Fl-istqarrija tiegħu, l-Partit Laburista akkuża lill-Partit Nazzjonalista li qed jiprova jaħrab milli jitkellem dwar dan is-suġġett għaliex ilbieraħ fil-Parlament ma tkellimx il-Kap dwaru.

Il-Partit Nazzjonalista kkritika lill-Partit Laburista li hu ipokrita għaliex ħareġ jattakka meta hu stess ma ħax pożizzjoni. Ikkritikah ukoll li, bil-maqlub, bħala partit mhux se jiddiskuti l-kaċċa u l-Mexxej tiegħu ddeċieda waħdu u ddetta daqs li kieku kien mexxej ta’ pajjiż komunista.