Lokali Parlament

Kontrollur Finanzjarju barrani għall-Air Malta

L-Air Malta ħatret barrani bħala Kontrollur Finanzjarju Ewlieni, u hu mistenni li jibda l-ħidma tiegħu mal-kumpanija nazzjonali tal-ajru fl-ewwel kwart ta’ din is-sena. Il-barrani hu Klaus Glosser.

Dan ikkonfermah il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis fil-Parlament wara li d-Deputat Nazzjonalista Robert Arrigo talab lill-Ministru jikkonferma li l-Air Malta ħatret Chief Fnancial Officer ġdid, u li jekk dan hux se jibda fil-kariga dalwaqt.

Il-Ministru għat-Turiżmu qal fit-tweġiba tiegħu, li l-persuna msemmija hi espert fl-avjazzjoni, u ntgħażlet għall-kariga ta’ Chief Financial Officer wara proċess ta’ intervisti li saru lil numru ta’ kandidati prospettivi hekk kif l-istess kariga ġiet vakanti. Huwa prevvist li l-Kontrollur Finanzjarju jibda l-ħidma tiegħu fl-ewwel kwart ta’ din is-sena l-ġdida.

Għall-mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista dwar il-pakkett finanzjarju kif ukoll il-kundizzjonijiet u obbligi l-oħra tal-kuntratt ta’ impjieg li se jkun qiegħed jirċievi l-barrrani f’din il-kariga għolja fl-Air Malta, il-Ministru Zammit Lewis qal li minħabba li l-kuntratt għadu ma daħalx fis-seħħ, ikun prematur li f’dan l-istadju tingħata informazzjoni fuq kuntratt li għadu mhuwiex eżegwibbli.