L-Oppożizzjoni qed tinsisti li l-kuntratti relatati max-xiri ta’ partijiet mill-Enemalta mill-kumpanija tal-Gvern Ċiniż Shanghai Electric ikunu ippubblikati.
Waqt laqgħa tal-Kumitat għax-Xogħol tal-Kamra li ntemmet ftit ilu, il-Viċi Kap tal-PN Mario de Marco qal li biex ikun hemm dibattitu serju, għandha tkun ippubblikata dokumentazzjoni rilevanti. Hu qal li jifhem li ċertu partijiet jistgħu ikunu ta’ natura sensittiva imma mhux aċċettabbli li kuntratti sħaħ jinbqgħu mistura.
Bi tweġiba, il-Ministru Carmelo Abela qal li l-Gvern ippubblika dak li seta’ jippubblika u fakkar li f’leġislaturi passati ma kienux ippubblikati kuntratti minħabba sensittivita’ kummerċjali. Il-Gvern qed jipproponi li l-Parlament jiddibatti dan il-kuntratt għada filwaqt li l-Opposizzjoni qed tipproponi li dan isir il-ġimgħa d-dieħla wara l-pubblikazzjoni tad-dokumenti rilevanti.
Mario de Marco fakkar li l-Partit Laburista tela’ fil-Gvern bl-għajta ta’ trasparenza. Hu staqsa fuq liema bażi jista’ jsir dibattitu dwar din it-tranżazzjoni jekk id-dokumenti dwarha mhux se jkunu pubblikati. Hu qal li s-serjeta’ tirrikjedi li l-Gvern jippubblika kollox u ppropona li jsir ftehim biex dak li hu kummerċjalment sensittiv ma jkunx ippubblikat. Hu qal li raġuni oħra li għandha twassal għal dibattitu serju hu minħabba li l-proġett inbidel radikalment minn dak propost waqt il-kampanja elettorali u l-proġett kif qed jiġi propost issa. Hu ppropona li d-dibattitu jista’ jsir il-ġimgħa d-dieħla sakemm ikunu pubblikati d-dokumenti.
Carmelo Abela kompla li anki l-Gvern irid dibattitu serju u qal li diġa’ ġie ppubblikat iktar minn dak li ġie ippubblikat fil-passat fuq kuntratti simili. Hu tenna mill-ġdid il-pożizzjoni tal-Gvern li d-dibattitu jsir għada mingħajr pubblikazzjoni ta’ iktar dokumenti. Il-Membri tal-Oppożizzjoni ma qablux u għaldaqstant se jsiru iktar diskussjonijiet.
David Agius qal li jekk il-Gvern se jwebbes rasu u jrid jirrombla minn fuq kulħadd, se jkun hemm reazzjoni differenti. Mario de Marco tenna li dan hu suġġett ta’ importanza nazzjonali u l-Oppożizzjoni qed tipproponi li d-dibattitu jsir il-ġimgħa d-dieħla bit-tama li l-Gvern jirrealizza li l-poplu jixraqlu dibattitu serju u dan jista’ jkun assigurat bil-pubblikazzjoni tad-dokumenti meħtieġa għad-diskussjoni. L-Opposizzjoni tiproponi wkoll li jkun hemm laqgħat bejn iż-żewġ naħat biex jintlaħaq ftehim biex klawżoli kummerċjalment sensittivi ma jkunux ippubblikati.
Id-Deputat Laburista Deborah Schembri qalet li l-Gvern diġa’ ppubblika dak kollu li mhux kummerċjalment sensittiv u dak li hu ta’ ċertu sensittivita’ ma ġiex ippubblikat.
Stqarrija mill-Partit Nazzjonalista:
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li l-Oppożizzjoni tibqa’ tinsisti biex il-kuntratti relatati mal-enerġija jiġu ppubblikati qabel id-dibattitu fil-Parlament.
Dan hekk kif il-Gvern ma kellux triq oħra ħlief li jċedi għall-pressjoni li saret mill-Oppożizzjoni li d-dibattitu dwar l-enerġija ma jsirx qabel ma l-Gvern jippubblika l-kuntratti kollha li ffirma b’rabta mal-enerġija.
Il-Partit Nazzjonalista qal li l-fatt li l-Gvern baqa’ jitrateni u jinsisti li jmur għad-dibattitu mingħajr ma jippubblika l-kuntratti jagħti x’jifhem li l-kuntratti jintnu u li l-Gvern għandu x’jaħbi. Il-Gvern għamel kull attentat biex jagħmel dibattitu Parlamentari mingħajr mozzjoni, xi ħaġa li mhix skont il-prassi Parlamentari sakemm ma jkunx hemm qbil bejn iż-żewġ naħat.
Dan mhux aġir ta’ Gvern li wiegħed li se jkun l-aktar Gvern trasparenti fl-istorja. Għaldaqstant, l-Oppożizzjoni se tibqa’ tinsisti li qabel isir id-dibattitu, il-Gvern jippubblika kull kuntratt li għamel dwar l-enerġija, temmet tgħid l-istqarrija.
Għad m’hemmx data meta se jitlesta l-Parlament il-ġdid
Matul il-laqgħa ta’ dan il-Kumitat, il-Viċi Kap tal-PN Mario de Marco staqsa dwar l-andament tax-xogħol fil-Parlament il-ġdid. Filwaqt li min-naħa tal-Gvern ma kienx hemm aġġornamenti, l-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li hu infurmat li sal-ġimgħa li għaddiet, ma kienx hemm il-bankijiet tad-Deputati u s-Sedja. L-Ispeaker ikkonferma wkoll li għadu ma ngħatax data definittiva ta’ meta l-Parlament jista’ jiċċaqlaq fil-bini l-ġdid. Il-Kumitat qabel li ssir laqgħa għall-ġimgħa d-dieħla li matulha, rappreżentanti għall-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Belt Valletta biex jagħtu rendikont tax-xogħolijiet.
//= $special ?>