Sport

Malta tfittex l-ewwel punt f’turnament kompetittiv

Bejn għada u s-Sibt it-tim nazzjonali Malti tal-Futsal se jkun impenjat f’partiti minn Grupp E tat-turnament mir-round preliminari ta’ kwalifkazzjoni tal-Kampjonat Ewropew tal-UEFA. Fil-padiljun ta’ Kordin Malta se tkun qed tilgħab kontra l-Ingilterra, l-Latvja u Andorra.

Il-kowċ nazzjonali Mark Marlow qal li bħalissa qed jirrenja ottimiżmu qawwi għaliex il-plejers huma preparati u jinsabu konxji mill-potenzjal tagħhom. Hu qal li wara l-partiti ta’ ħbiberija f’Jannar tas-sena l-oħra kontra s-Serbja u Ġibiltà, t-tim ipprepara tajjeb u jħoss li l-plejers li kellu fl-aħħar għaxart’ijiem huma preparati għal din l-isfida.

Marlow qal li l-għan ewlieni tat-tim Malti f’dan it-turnament hu li niksbu l-ewwel punti kompetittivi fl-istorja tagħna, hekk kif it-tim nazzjonali kiseb rebħiet fil-passat imma qatt f’partiti kompetittivi. Hu qal li Malta tinsab irrankjata fil-45 post fl-Ewropa u fis-96 minn fost 97 quddiem San Marino fid-Dinja.
“Imma dan hu dovut għaliex it-tim nazzjonali ftit jilgħab partiti matul is-sena u għalhekk ma tantx jista’ jtejjeb il-co-efficient tiegħu (punti li jieħu ta’ kull logħba għar-ranking). L-Ingilterra jinsabu fit-30 post fl-Ewropa u d-59 fid-dinja, l-Andorra fil-35 u l-74 u l-Latvja fit-23 post fl-Ewropa u t-52 fid-dinja. Imma jekk inkunu dixxiplinati ninsab fiduċjuż li se nieħdu xi ħaġa. Biddilna ħames plejers mill-aħħar partiti ta’ ħbiberija għaliex nixtieq naħseb għal quddiem bi plejers aktar żġħażagħ,” qal il-kowċ Nazzjonali.

Marlow enfasizza fuq il-fatt li l-livell tal-Futsal lokali tjieb konsiderevolment imma biex it-tim Malti juri titjib kostanti jeħtieġ li almenu jibda jilgħab kull erba’ xhur u mhux darba jew darbtejn fis-sena. Tenna li l-klabbs qed jagħmlu l-almu tagħhom kollu u qed jieħdu l-logħba wkoll fl-iskejjel bit-tama li jħajru aktar tfal.

Mistoqsi dwar l-avversarji tal-Maltin Marlow qal li l-aħjar tim fuq il-karta hu l-Latvja imma l-Ingilterra għamlu progress kbir fl-aħħar xhur u qabel telgħu l-poloz lagħbu wkoll partiti ta’ ħbiberija ironikament kontra Andorra u l-Latvja, żewġ timijiet li se jiltaqgħu magħhom f’Malta. F’dawn il-partiti l-Ingliżi rebħu lil-Latvja 5-0 u għelbu lil Andorra 5-0 u 2-0. Il-Latvja min-naħa tagħhom issuperaw lill-Belarus li jinsabu fl-24 post fid-dinja 3-1 u ġew ukoll 2-2 magħhom.

Preżenti wkoll il-captain tat-tim nazzjonali Matthew Mifsud li qal li jħoss li t-tim Malti għamel progress fil-logħba tal-Futsal imma wasal iż-żmien li issa jibda jsarraf dan il-progress f’riżultati li huma l-aktar ħaġa importanti.

Matthew Mifsud, plejer relattivament ġdid fit-tim nazzjonali, qal li l-plejers jinsabu magħquda u motivati li jiksbu l-ewwel punt storiku f’partita kompetittiva. Hu wiegħed li l-plejers żgur se jkunu qed jagħtu l-massimu tagħhom għal dawn il-partiti u ħeġġeġ lill-pubbliku Malti biex jattendi u jagħti l-appoġġ tiegħu flimkien mal-grupp tas-SouthEnd Core li se jkun qed iqajjem l-atmosfera u jagħti l-appoġġ tiegħu f’kull logħba. Id-dħul se jkun kollu b’xejn.

L-iskwadra li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu Mark Marlow hija din: Matthew Mifsud

Jason Gauci, Andrea Farugia, Dale Camilleri, Jovica Milijic, Giancarlo Sammut, Nicola Del Re, Melvin Borg, Mark Zammit, Chris Cardona, Matteo Desira Buttigieg, Nicholas Farrugia, Luke Stivala u Xavier Saliba

Il-programm kollu tal-logħob se jkun dan:

Għada
5 p.m. Latvja v Andorra
7.30 p.m. Malta v Ingilterra

Il-Ħamis 15
5 p.m. Ingilterra v Latvja
7.30 p.m. Malta v Andorra

Is-Sibt 16
5 p.m. Andorra v Ingilterra
6.30 p.m. Latvja v Malta