Il-Pulizija fil-provinċja ta’ Xinjiang, fiċ-Ċina, sparaw fuq sitt persuni u qatluhom imbagħad spjegaw li s-sitta ‘kienu qed jippruvaw itajjru bomba’.
Wieħed mill-‘portals’ tal-aħbarijiet tal-Gvern lokali qal li l-inċident seħħ fl-inħawi ta’ Shule, fid-distrett ta’ Kashgar. Dan meta l-provinċja ta’ Xinjiang, fl-aħħar xhur, għaddiet minn spinta ta’ attakki fost tensjoni bejn il-poplu ‘Uighur’ Musulman, f’minoranza, u r-residenti Han-Ċiniżi.
Ir-rapporti qalu li r-residenti f’Shule kienu avviċinaw raġel li deher qed iġorr tagħmir suspettuż u li dan ‘ipprova jattakkahom u jtajjar l-isplussivi’ ladarba l-pulizija marret fuq il-post. Ingħad ukoll li r-raġel inqatel minn tiri li sparawlu l-pulizija ‘b’ħamsa oħra wkoll jinqatlu huma u jippruvaw itajjru l-isplussivi’.
L-awtoritajiet Ċiniżi qed iwettqu kampanja ta’ sigurta qawwija f’dawn iz-zoni, fejn mijiet ta’ persuni qed jispiċċaw arrestati u mogħtija l-piena tal-mewt. Dan meta l-informazzjoni minn dan ir-reġjun hi suġġetta għall-kontrolli stretti.
L-attivisti jinsistu li ċ-Ċina ppersistiet bil-politika ripressiva fil-konfront tal-Uighur Musulmani u li l-politika xprunat l-għadab fil-komunita partikolari.
//= $special ?>