Jum wara li rreferiet għall-Iżlam bħala parti mill-Ġermanja, il-Kanċillier Angela Merkel qalet li l-gvern tagħha se juża l-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tagħha, sabiex jiġġieled l-intolleranza u d-diskriminazzjoni. Hi qalet li l-esklużjoni ta’ ċerti gruppi mis-soċjeta’ hi ta’ min jistmerriha.
Il-kummenti ta’ Merkel saru ġurnata wara li 25,000 dimostrant kontra l-Iżlam ipprotestaw fi Dresden u talbu għal regolamenti dwar l-immigrazzjoni aktar ħorox kif ukoll għat-tmiem ta’ diversi kulturi.
“Li rridu nagħmlu issa hu li nużaw il-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tagħna bħala stat kostituzzjonali sabiex niġġieldu l-intolleranza u l-vjolenza,” qalet Merkel f’konferenza f’Berlin.
Kważi 100,000 persuna huma stmati li ħadu sehem f’manifestazzjonijiet kontra r-razziżmu f’marċi oħrajn li saru madwar il-Ġermanja lbieraħ. U l-moviment bażat fi Dresden, magħruf bħala PEGIDA jew Ewropej Patrijotti Kontra l-Iżlamizzazzjoni tal-Punent, attira lejh inqas sostenituri fi bliet oħrajn.
//= $special ?>