Futbol Sport

Ronaldo jrid jibqa’ magħruf fost l-aqwa plejers ta’ kull żmien

L-attakkant Portugiż ta’ Real Madrid, Cristiano Ronaldo, qed jiċċelebra t-tielet Ballon d’Or fil-karriera tiegħu iżda diġa qed iħares ‘il quddiem lejn tragwardi u unuri ġodda għalih u għall-klabb Madrilen, li huma ċ-Champions tal-Ewropa attwali.

Minuti biss wara li kien ikkonfermat l-Aqwa Plejer tad-Dinja waqt iċ-ċerimonja tal-FIFA ta’ nhar it-Tnejn, f’Zurich, Ronaldo enfasizza li ‘jrid ikun wieħed mill-aqwa plejers ta’ kull żmien’ u ma jiddubitax li dan jirrikjedi konsistenza u sforzi akbar min-naħa tiegħu.

Ronaldo kien diġa rebaħ il-Ballon d’Or fl-2008 u l-2013, bl-aħħar suċċess ifisser pass ieħor ‘il quddiem fid-dwell ‘personali’ tiegħu mas-superstar Arġentin ta’ Barċelona, Leo Messi, li rebaħ il-Ballon d’Or erba’ darbiet tul il-karriera tiegħu.

Intant, l-attakkant Portugiż ta’ 29 sena ingħata r-rikonoxximent mistħoqq bħala wieħed mill-aktar plejers importanti fis-suċċess li kisbu Real Madrid fl-istaġun li għadda u fejn saru ċ-Champions tal-Ewropa għall-għaxar darba fl-istorja tagħhom.

Ronaldo kien protagonista ewlieni fl-hekk-imsejħa ‘La Decima’ u dan għenu jegħleb l-isfida ta’ Messi u tal-gowlkiper ta’ Bayern Munich, Manuel Neuer ( li rebaħ it-Tazza tad-Dinja mal-Ġermanja) fl-għażla għall-Ballon d’Or.

Madankollu, Ronaldo insista li ‘ma basar qatt li seta’ jirbaħ it-trofew għal tliet darbiet’ u ma naqasx milli jfaħħar lill-kollegi tiegħu ma’ Real Madrid kif ukoll lil familtu.

L-attakkant Portugiż qal i l-2014 kienet sena mimlija mumenti inkredibbli ‘u li m’hu se jinsa’ qatt’, bl-uniku diżappunt iseħħ waqt il-finali tat-Tazza tad-Dinja fil-Brażil, meta hu ma setax jesprimi t-talenti tiegħu bis-sħiħ minħabba problemi f’irkopptu.

Sadanittant, it-trijonf ta’ Ronaldo fi Zurich kien iċċelebrat bil-kbir fil-Portugall, bil-President Portugiż, Anibal Cavaco Silva u l-Prim Ministru, Pedro Passos Coelho jesprimu l-ferħ tagħhom għall-unur li ngħata lill-ko-ċittadin.

Fi żviluppi oħra, Ronaldo ħeġġeġ lill-partitarji ta’ Real Madrid biex ‘ma jagħmlux il-ħajja diffiċli’ għall-attakkant ta’ Wales, Gareth Bale, li fissru bħala ‘pedina importanti’ għall-Merengues.

Bale, li skorja għal Real fl-aħħar rebħa fil-league kontra Espanyol, kien mira tal-għadab tal-partitarji wara li, tard fil-logħba, iddeċieda li jixxuttja lejn il-lasta minflok iqassam lil Ronaldo li deher f’pożizzjoni aħjar. Il-Portugiż, dak il-ħin, deher iffastidjat, iżda issa qed jiddefendi lil Bale bħala ‘plejer kruċjali għat-tim’, anki jekk jifhem ‘l-emozzjonijiet intensivi tal-partitarji’.

Waqt iċ-ċerimonja tal-Ballon d’Or spikkat l-għażla tal-manager tat-tim nazzjonali Ingliż, Roy Hodgson, li injora lil Ronaldo u lil Messi, filwaqt li ivvota għall-midfielder ta’ Barċelona, Javier Mascherano, bħala l-Aqwa Plejer tal-2014.

L-għażliet l-oħra ta’ Hodgson kienu l-Ġermaniżi Neuer u Philip Lahm ( ta’ Bayern Munich), bl-eks-plejer internazzjonali Ingliż, Gary Lineker, jesprimi sorpriża fuq Twitter ‘talli Hodgson ma setax isib post għall-aqwa żewġ plejers fid-dinja – Ronaldo u Messi – fit-‘Top 3′ personali’.