Il-midfielder internazzjonali Malti Rowen Muscat ikkonferma ma’ dan is-sit li kien hemm ħames klabbs lokali li tkellmu miegħu għaliex esprimew interess li jakkwistawh malli ngħata r-release mill-klabb Ungeriż Dunaújváros PASE.
Madankollu Muscat għamilha ċara li kull darba li klabb Malti tkellem miegħu dejjem qallu li l-ewwel objettiv tiegħu hu li jerġa’ jmur jilgħab barra u jekk le, l-ewwel jitkellem mal-eks tim tiegħu Birkirkara. Fid-dawl ta’ dan il-fatt, Muscat qal li ma tkellem mal-ebda klabb Malti dwar flus.
Din id-dikjarazzjoni tasal wara li nhar il-Ħadd li għadda waqt il-programm Replay fuq Net Television, il-Viċi President ta’ Birkirkara Adrian Delia qal li Balzan offrew salarju ta’ 5,000 ewro fix-xahar lil Muscat.
L-għada, waqt il-programm Replay Ikompli fuq Radio 101, il-President ta’ Birkirkara Joe Zammit reġa’ tenna l-istess kliem ta’ Delia. Madankollu t-team manager ta’ Balzan, George Borg ċaħad bil-qawwa kollha dak li qalu l-President u l-Viċi President ta’ Birkirkara tant li żied jgħid li sal-lum Balzan mhux interessati li jiffirmaw lil Muscat.
Hu fatt magħruf li biex klabb Malti, li mhux Birkirkara, jiffirmaw lil Muscat iridu jħallsu l-ammont dovut ta’ parametri lil Birkirkara. Madankollu jidher li l-ewwel preferenza ta’ Muscat, kemm-il darba jagħżel li jilgħab Malta, se tkun li jiffirma mill-ġdid ma’ Birkirkara.
Preżentament il-plejer, permezz tal-aġent tiegħu li jgħix fil-Ġermanja, qed jikkunsidraw offerti li ġejjin minn klabbs fl-Awstrija u l-Italja. Mil-lum il-plejer mistenni jibda jinżel għat-taħriġ ma’ Birkirkara biex iżomm lilu nnifsu fiżikament tajjeb.
Madankollu, waqt il-programm Replay Ikompli tal-bieraħ, il-President Zammit appella biex il-plejer ma jdumx ma jieħu deċiżjoni dwar il-futur tiegħu.
Iktar aħbarijiet dwar trasferimenti lokali fuq Replay (Net Television).
//= $special ?>

