Lokali

Taxxa oħra moħbija

Miżati oħra li l-gvern ma ħabbarx fil-baġit huma l-miżati ogħla fejn jidħlu servizzi mogħtija mir-Reġistru Pubbliku, mir-Reġistru tal-Artijiet u r-Reġistru tal-Qorti inkluż ir-riċerki. Fi kliem ieħor taxxa moħbija għal dawk li se jagħmlu użu minn dawn is-servizzi.

Dawn iż-żidiet fil-miżati daħlu fis-seħħ mill-ewwel ġurnata ta’ din is-sena u ovjament se jkunu inklużi fil-kont li n-nutara jippreżentaw lil-klijenti tagħhom għaliex ikunu n-nutara li jidrhu f’isem il-klijenti rispettivi tagħhom. Iż-żieda fil-miżata hi ta’ 10%
Jiġifieri kull xogħol li jsir minn Nutara u li għandu x’jaqsam mar-Registru Pubbliku, mar-Reġistru tal-Artijiet, mar-Reġistru tal-Qorti inkluż ir-riċerki, se jogħla b’10%, jiġifieri għal kull €1000 se jibda jitħallas €1. Dan ikkonfermah Clinton Bellizzi, l-President tal-Kunsill Nutarili ta’ Malta. Eżempju, jekk isir kuntratt dwar post li jiswa €200,000, iridu jitħallsu €200 f’miżati. Clinton Bellizzi semma’ kif anke fejn jidħlu t-testmenti siġrieti żdiedet il-miżata minn €11.65 għal €15.00.

Iżda minbarra ż-żidiet f’dawn il-miżati l-Erbgħa n-Nutara kienu mgħarrfa b’miżata oħra. Dik li jħallsu €50 meta kull sena jimlew formola dwar xi klijent li jkun uża s-servizzi tagħhom u li minn naħa tagħhom bħala nutara jissuspettaw li l-flus li bih sar in-negozju ma jkunux ġew bis-sewwa. Din il-formola eventwalment tintbgħat lill-Financial Intelligence Analysis Unit, l-FIAU.

B’korrezzjoni għall-artiklu preċedenti, il-Eur50 miżata msemmija, titħallas darba  meta n-Nutara, kif obbligati bil-liġi jissottomettu r-rapport annwali tagħhom li jipprova l-adempiment tal-obbligi tagħhom – l-hekk imsejjaħ Annual Compliance Report. Dan ma għandu xejn x’jaqsam mar-rapporti fuq transazzjonijiet individwali suspettużi.