Tfajla ta’ 16-il sena il-Ħadd li għadda ddaħlet l-Isptar Mater Dei wara li nstabet fis-sakra f’Paceville u bdiet tgħid li ġiet stuprata.
It-tfajla kienet ma’ grupp ta’ ħbieb tal-eta’ tagħha, u jidher li dawn tant xorbu li waħda minnhom malli ħarġet minn stabbiliment fejn kienu ntelqet mal-art mitlufa minn sensiha. Dan seħħ għall-ħabta tas-00:45 fi Triq San Ġorġ u anke’ din it-tfajla ttieħdet l-Isptar Mater Dei.
Kif rat hekk, u mbeżża’ mill-preżenza ta’ numru ta’ pulizija minħabba li kienet xorbot
u għadha taħt l-eta’, telqet mill-post bl-iskop li tmur lura lejn id-dar. Madankollu t-tfajla nstabet mitlufa minn sensiha u l-Pulizija ta’ San Ġiljan sejħu għal ambulanza.
It-tfajla qed tallega li fi triqitha ltaqgħet ma’ ġuvni li qalilha li kien minn Bormla. Qed tgħid li ħasbet li dan kien se jgħinha minħabba li kienet fis-sakra imma minflok, hekk kif waslu fi Triq Sant’Andrija, dan mexxiha lejn trejqa fil-ġenb u beda jneħħilha l-ħwejjeġ ta’ taħt.
Kompliet li hekk kif indunat b’dan, hi tat daqqa ta’ ponn lill-ġuvni, irreżistiet l-avvanzi tiegħu u rnexxielha taqbad taxi.
Jidher li l-għada t-tfajla bdiet tħoss uġiegħ, ħakk, u nnutat li t-tights tagħha kien imqatta’. Kien għalhekk li rrapurtat lill-Pulizija li allegatament ġiet stuprata.
Intant il-pulizija tkellmu wkoll mat-tfajla li ħassha ħażin f’Paceville biex tagħti l-verżjoni tagħha. Madankollu hi qalet li tant xorbu alkoħol li ma tafx x’ġara f’dak il-lejl u sabet ruħha l-Isptar.
Il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħhom dwar dan il-każ u ġew elevati wkoll il-ħwejjeġ ta’ taħt tat-tfajla li qed tallega li ġiet stuprata.
//= $special ?>