Ingħatat l-aħħar tislima lil seba’ persuni li nqatlu fl-attakki mdemmija li saru f’Pariġi l-ġimgħa li għaddiet.
Pariġi ingħatat l-aħħar tislima lit-tlett Pulizija li nqatlu fl-attakki, waqt li f’Ġerusalemm ingħatat l-aħħar tislima lill-erba’ persuni li nqatlu f’supermarket Lhudi.
F’ċerimonja fiċ-ċentru ta’ Pariġi, il-President Franċiż Francois Hollande onora lit-tliet pulizija li nqatlu mit-tliet estremisti Iżlamiċi.
It-tlett ijiem ta’ terrur tal-ġimgħa li għaddiet bdew b’attakk fil-kwartieri tar-rivista satirika Charlie Hebdo nhar il-Erbgħa li għadda.
B’kollox inqatlu 17-il persuna, fosthom ġurnalisti, minn irġiel armati Iżlamiċi.
Fil-kwartieri tal-pulizija f’Pariġi, il-President Hollande ta l-ogħla unur ta’ Franza – il-Legion d’Honneur – lit-tliet pulizija maqtula – Franck Brinsolaro, Ahmed Merabet u Clarissa Jean-Philipper – bit-twiebet tagħhom mgħottija bil-bandiera Franċiża.
F’Ġerusalemm, l-erba’ vittmi Lhud ta’ attakk li seħħ f’supermarket – Yoav Hattab, Philippe Braham, Yohan Cohen u Francois-Michel Saada – indifnu fiċ-ċimiterju Har HaMenuuhot.
Sadattant, l-edizzjoni ta’ din il-ġimgħa tar-rivista Charlie Hebdo, sewwasew l-ewwel paġna tagħha, turi karikatura dwar il-Profeta Muhammed iżomm kartellun bil-kliem “Je suis Charlie” kif ukoll il-kliem “Kollox hu mahfur”.
Tliet miljun kopja tal-edizzjoni ġew stampati. Issoltu jinbiegħu biss 30,000 kopja kull ġimgħa.
//= $special ?>