Id-difensur ta’ Mosta, Mano Micallef rritorna ma’ Floriana b’self għall-kumplament tal-istaġun.
Dan wara li lbieraħ filgħaxija, waqt il-programm radjofoniku Replay Ikompli fuq Radio 101, il-President ta’ Mosta George Galea qal li t-trasferiment hu kważi finalizzat.
Matul il-ġurnata ta’ llum kienu konklużi l-aħħar negozjati bejn iż-żewġ klabbs. Sorsi fi ħdan il-klabb ta’ Floriana u li tkellmu ma’ dan is-sit spjegaw li r-ritorn ta’ Micallef ma’ Floriana seħħ wara insistenza tal-President Riccardo Gaucci minkejja li kien hemm sezzjoni tal-partitarji li kienu xettiċi mir-ritorn ta’ Micallef ma’ Floriana.
Fil-jiem li għaddew il-paġna Replay (Net Television) ħabbret li għal Micallef kien hemm interess miċ-champions Valletta kif ukoll minn Qormi. Madankollu jidher li kienu Floriana li urew l-aktar interess u offrew l-aħjar offerta lil Mosta.
Il-President Galea kien qed jikkonsidra wkoll li jċedi lil Micallef għal kollox iżda la darba l-plejer se jmur ma’ Floriana b’self għall-kumplament tal-istaġun, Micallef se jkun għad baqalu sena oħra kuntratt ma’ Mosta la jirritorna lura mal-klabb fis-Sajf li ġej.
//= $special ?>

