Qorti

Żebbuġ Rangers jiddiżassoċjaw ruħhom mill-barman li kellu l-kokaina ppakkjata fil-bar

Il-Kumitat ta’ Żebbuġ Rangers fi stqarrija ddiżassoċja ruħu mill-barman tal-bottegin tat-training ground tal-klabb, Philip Sawyer, wara li ġie arrestat mill-Pulizija fuq pussess ta’ droga.

Minbarra dan, il-kumitat ħabbar li ttermina b’mod immedjat il-kuntratt ta’ Philip Sawyer għat-tmexxija tal-istess bottegin u dan biex jissalvagwardja l-interess tal-klabb u fuq kollox is-sigurta’ u s-saħħa tat-tfal u żgħażagħ.

Fl-aħħar nett, il-kumitat ta’ Żebbuġ Rangers FC iddikjara li se jieħu l-passi kollha meħtieġa biex il-faċilitijiet sportivi tiegħu jkunu postijiet ħielsa minn kull vizzju li hu ta danni għat-tfal u żgħażagħ u li se jikkopera mal-forzi tal-ordni biex dan iseħħ.

Iktar kmieni: Philip Sawyer ta’ 51 sena, minn Ħaż-Żebbuġ ġie mixli bi traffikar ta’ kokaina li allegatament instabet fil-pusses tiegħu fil-bar tal-club tal-futbol tat-tim tal-Premier Division Żebbuġ Rangers. Huwa ġie mixli li l-imsemmija droga kienet diġa ppakkjata meta huwa kien fil-bar tal-każin nhar is-Sibt li għadda.

Sawyer kien mixli li fl-10 ta’ Jannar li għadda, kif ukoll fis-sena u nofs ta’ qabel, kellu fil-pussess tiegħu l-kokaina u li din instabet f’ċirkostanzi li juru li ma kinietx għall-użu esklussiv tiegħu, li ittraffikaha u li għamel dan f’distanza ta’ 100 metru minn skola, klabb jew post fejn jiltaqgħu ż-żgħażagħ.

Skont il-Pulizija, l-ammont ta’ kokaina li nstabet fil-pussess tiegħu kienet ftit inqas minn ħames grammi li kienu maqsumin f’10 pakketti. Sawyer wieġeb li ma kienx ħati tal-akkużi miġjubin kontrih u ngħata l-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet fosthom li jrid jiffirma fl-għassa tal-lokal kull nhar ta’ Tnejn, Erbgħa u Ġimgħa bejn it-8.00 a.m. u s-7.00 p.m. u li jkun ġewwa daru bejn it-8.00 p.m. u s-6.00 a.m. b’dan kollu taħt depożitu ta’ €300 u garanzija personali ta’ €5,000.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Nikolai Sant waqt li għal Sawyer deheru l-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Angie Muscat.