Lokali Parlament

Aġġornata: Il-parir tal-Avukat Ġenerali kien li John Dalli jitressaq il-Qorti

L-eks-Kummissarju tal-Pulizija Peter Paul Zammit ma tax il-mandat ta’ arrest lil Dalli

Il-parir tal-Avukat Ġenerali lill-Pulizija b’rabta mal-allegat każ ta’ tixħim kontra l-eks-Kummissarju Ewropew John Dalli, kien li Dalli jitressaq il-Qorti.

Dan iddikjarah f’xhieda li tal-Ispettur Angelo Gafà quddiem il-Kumitat Parlamentari għall-Privileġġi, li qed jittratta dikjarazzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil dwar indħil mill-Prim Ministru Joseph Muscat fix-xogħol tal-Pulizija b’rabta mal-investigazzjoni fil-konfront tal-eks Kummissarju Ewropew.

Il-parir tal-Avukat Ġenerali kien li l-konklużjonijiet tar-rapport tal-OLAF fil-każ ta’ John Dalli, jipprovdi prima facie evidenza biex it-tliet persuni msemmija fir-rapport, fosthom John Dalli u Silvio Zammit, jistgħu jiffaċċjaw akkużi.

Jikkonkludi wkoll li r-rapport waħdu ma jipprovdix bażi suffiċjenti u jeħtieġ aktar investigazzjonijiet fil-każ bex ikunu ta’ evidenza suffiċjenti li jkunu jistgħu jwasslu biex l-akkużati jinstabu ħatja.

Iddikjara wkoll li l-eks-Kummissarju tal-Pulizija Peter Paul Zammit, meta f’Mejju 2013 sejjaħ lill-eks Kummissarju Ewropew John Dalli biex ikellmu fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, ma kienx għaddielu l-Mandat ta’ Arrest, filwaqt li l-intervista ma’ Dalli ma kinitx fil-forma ta’ interrogazzjoni iżda f’direzzjoni differenti mill-parir li kien ta l-Avukat Ġennrali.

F’din il-laqgħa, il-Mandat ta’ Arrest kontra John Dalli baqa’ fil-file u d-direzzjoni kienet differenti mill-pariri li kien hemm mill-Avukat Ġenerali. Wara din il-laqgħa ma’ Dalli, Angelo Gafà qal li kien hemm kompromess bejnu u bejn Peter Paul Zammit li jistennew l-eżitu tal-każ fil-Qorti kontra Silvio Zammit qabel ma jkun hemm deċiżjoni dwar kif se jipproċedu kontra John Dalli.

L-Ispettur Gafà qal li hu sema’ li l-eks Kummissarju tal-Pulizija Peter Paul Zammit kien qal li l-każ kien magħluq, iżda dwar dan ma saret l-ebda konsultazzjoni miegħu bħala Uffiċjal Investigatur u ma jafx jekk saritx konsultazzjoni mal-Avukat Ġenerali. Hu kkonferma li l-aħħar li kien ra l-file kien fis-7 ta’ Ġunju, filwaqt li reġa’ kkonferma li ma hemmx parir tal-Avukat Ġenerali biex ma jittieħdux passi.

Min-naħa tiegħu, id-Deputat Nazzjonalista Chris Said tkellem fil-Kumitat tal-Parlament dwar ir-rwol tal-Avukat Ġenerali u spjega kif l-Avukat Ġenerali u l-Pulizija huma fuq l-istess naħa f’dan il-każ. Qal li l-Oppożizzjoni għandha diversi mistoqsijiet għall-Avukat Ġenerali, fosthom dwar ir-rapport tal-OLAF, filwaqt li sostna li din mhix relazzjoni bejn Avukat u klijent.

Fit-tweġiba tiegħu, il-Ministru Edward Zammit Lewis qal li l-Avukat Ġenerali jagħti pariri lill-Pulizija, filwaqt li sostna li l-Gvern m’għandux problema li l-fatti jsiru pubbliċi.

Sadanittant, aktar kmieni fix-xhieda tiegħu, l-Ispettur Gafà kkonferma li t-tim investigattiv tal-Pulizija li kien qed jinvestiga l-każ marbut mal-eks-Kummissarju Ewropej John Dalli, ikkonkluda li kellhom jittieħdu passi b’akkużi separati fil-Qorti kontra l-eks-Kummissarju Ewropew John Dalli u kontra n-negozjant minn Tas-Sliema Silvio Zammit.