Kommossjoni f’Rue D’Argens fil-Gżira, hekk kif żiemel bil-karozzin sfratta, qasam il-karreġġjata u spiċċa f’karrozza misjuqa fid-direzzjoni opposta. Fl-inċident, li seħħ għall-ħabta tal-11.20am, ma weġġa’ ħadd ħlief li ż-żiemel kellu jitraqqad kawża tal-feriti li sofra. Kontrarjament għall-inċident li seħħ fl-aħħar jiem bejn Ħ’Attard u Ħaż-Żebbuġ, li fih iż-żiemel miet fil-post, din id-darba ż-żiemel ma mietx fil-post.
Iż-żiemel, li kien misjuq minn kuċċier, deher iżid il-veloċità, jisfratta u jibdel il-karreġġjata qabel ħabat ma’ karrozza tat-tip Daihatsu Sirion, li fiha kien hemm erba’ ukoll passiġġieri. Mad-daqqa, il-kuċċier ittajjar minn fuq il-karozzin, filwaqt li ż-żiemel, li kien insurjat, tela b’saħħa fuq il-bonnet tal-karrozza u kisser il-windscreen.
Mad-daqqa, iż-żiemel spiċċa bejn id-Daihatsu u karozza oħra pparkjata fil-ġenb tat-triq. Hu għamel diversi tentattivi biex jipprova jqum, iżda ma setax minħabba li kien għadu marbut mal-karozzin. Iż-żiemel ġarrab diversi feriti gravi f’saqajh tant li d-deċiżjoni li ż-żiemel jitraqqad ittieħdet fil-post stess. Mal-ħabta, inħoloq paniku fit-traffiku, fi triq li hi waħda traffikuża. Dan filwaqt li numru ta’ ħaddiema li minn postijiet tax-xogħol fit-triq ħarġu biex jagħtu l-ewwel għajnuna.
Minkejja l-gravità tal-inċident u d-daqqa qawwija taż-żiemel fuq il-karrozza, il-persuni li kienu fiha kienu trattati biss għall-qatgħa kbira li kellhom fuqhom. Wara li ttieħdet id-deċiżjoni li ż-żiemel jitraqqad, hu ttieħed mill-post.
//= $special ?>