Edukazzjoni Kunsilli Lokali Lokali Parlament Saħħa

Appell lill-edukaturi, Kunsilli Lokali u għaqdiet sportivi

Il-poplu sar anqas attiv bi drawwiet ukoll li ntilfu fil-ħajja ta’ kuljum u fil-ħajja wkoll soċjali fil-bliet u l-irħula

Id-Deputat Nazzjonalista David Agius appella lill-edukaturi, Kunsilli Lokali, għaqdiet sportivi u ġenituri biex iħarsu b’serjetà lejn l-Abozz ta’ Liġi dwar Stili ta’ Ħajja Sana biex tiġi indirizzata l-problema tal-obeżità.

David Agius qal li sar ħafna xogħol mid-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar biex mill-Oppożizzjoni jipprepara u jfassal Abbozz ta’ Liġi fuq suġġett importanti dwar kif nieħdu ħsieb saħħitna u l-ħajja tagħna tkun aktar sana.
Dan hu l-ewwel abbozz sħiħ li tressaq minn Oppożizzjoni u fisser li dan hu l-mod kif Oppożizzjoni għandha taħdem biex tkun kostruttiva u taħdem għall-ġid tas-soċjetà.

Hu stat ta’ fatt li l-obeżità f’Malta qed tiżdied ukoll fost it-tfal u ż-żgħażagħ, b’Malta tikklassifika bl-aktar rata ta’ obeżità fl-Ewropa. Fisser kif tul is-snin, il-poplu sar anqas attiv bi drawwiet ukoll li ntilfu fil-ħajja ta’ kuljum u fil-ħajja wkoll soċjali fil-bliet u l-irħula.

Semma wkoll li l-għaqdiet sportivi wkoll ma baqgħux jgħaddu l-valuri tal-inklussività u llum qed jagħżlu l-kompetittività fid-dixxipplini sportivi biex jirbħu minflok l-isportività. Dan ukoll wassal biex il-problema tal-obeżità kibret tul is-snin.

Saru ħafna inizjattivi anke b’investiment fl-infrastruttura li għenu wkoll biex il-poplu jżomm ruħu attiv. Iżda l-istatistika turi li dak kollu li sar mhux biżżejjed.

Appella għal aktar edukazzjoni biex il-poplu jifhem biex iżomm aktar attiv u jżomm ‘il bogħod mill-mard li jiġi kkawżat mill-obeżità. Saħaq dwar l-importanza tal-eżerċizzju fir-rutina tagħna ta’ kuljum.

Issuġġerixxa biex iċ-ċentri fil-villaġġi jkunu ħielsa mill-karozzi, jintuża aktar it-trasport pubbliku u aktar mixi flok l-użu tal-karozza, eżerċizzji d-dar, nitilgħu t-taraġ flok nagħżlu l-lift, u niddiskutu u nitkellmu mhux madwar mejda iżda f’passiġġati.

Ideat oħra li semma hi favur aktar edukazzjoni fiżika, u fis-sehem tagħna fl-għaqdiet sportivi, l-introduzzjoni tar-roadshowx favur dixxiplini sportivi fl-iskejjel u fiċ-ċentri tal-bliet u l-irħula.

Tkellem ukoll kif in-nutrizzjoni għandha timxi id f’id mal-attività fiżika u dan biex jonqos il-piż jew ma jiżdidx il-piż, anke billi nirregolaw it-tip ta’ ikel li jinbiegħ fl-iskejjel. Appella wkoll għad-drawwiet tal-ġenituri u rridu nirrikonoxxu din il-problema billi nassiguraw is-saħħa ta’ wliedna.

Tkellem ukoll dwar l-importanza ta’ aktar drawwiet mill-ġenituri favur ikel nutrittiv u bnin, kif ukoll dwar l-importanza tal-Kunsilli Lokali biex jippromwovu wkoll saħħa aktar b’saħħitha b’fondi wkoll li jintefqu favur l-attività fiżika u edukazzjoni. Dan għal soċjetà aktar b’saħħitha u kwalità ta’ ħajja aħjar.