Lokali Parlament Saħħa

Appell lill-Gvern biex ma jippolitiċizzax il-kura tas-saħħa mentali f’Monte Carmeli

Ħadd m’għandu jistħi jgħid li qiegħed jieħu kura għad-dipressjoni… huma 26% biss li jfittxu l-kura għad-dipressjoni minħabba l-istigma tas-soċjetà

Id-Deputat Nazzjonalista Mario Galea appella lill-Gvern biex ma jippolitiċizzax l-Isptar Monte Carmeli b’politika partiġjana fejn qegħdin ukoll jindaqqu innijiet tal-Partit Laburista.

Ikkritika wkoll lill-Gvern li ħatar kandidat Laburista biex imexxi l-Isptar Monte Carmeli hekk kif appella lill-Gvern li għadu fiċ-ċans li jirrimedja s-sitwazzjoni li ħoloq hu stess u ma jibqax jippolitiċizza l-kura tas-saħħa mentali fl-Isptar Monte Carmeli.

Mario Galea qal li kien qed jitkellem bil-qalb fuq dan il-qasam waqt id-dibattitu fil-Parlament b’rabta mal-Abbozz ta’ Liġi dwar Stili ta’ Ħajja Sana. Mario Galea qal ukoll li lest jiltaqa’ mas-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa biex isiru r-riformi meħtieġa fil-qasam tal-kura għas-saħħa mentali.

Id-Deputat Nazzjonalista tkellem dwar l-importanza li nżommu flimkien is-saħħa fiżika u s-saħħa mentali.

Hemm rabta bejn is-saħħa mentali tal-individwu u s-saħħa fiżika tal-individwu. Hemm rabta għolja bejn pazjenti li jkunu jbatu minn dipressjoni u drawwiet li jwassal għal mard serju.

Irribatta l-argument li jsir minn ħafna kontra l-pazjenti b’mard mentali, u saħaq li mhux minnu li nies bi problemi ta’ saħħa mentali huma ta’ periklu għas-soċjetà. Dan jirriżulta wkoll minn studji u riċerka.

Lanqas mhu minnu li pazjenti bi problemi ta’ saħħa mentali ma jistgħux jiġu kkurati u ma jiġux imfejqa. Din hi wkoll perċezzjoni żbaljata bħalma ħafna sfortunatament jaħsbu li dawn il-pazjenti fallew fil-ħajja. Bħala eżempju biex isaħħaħ l-argument, Mario Galea semma lista ta’ personalitajiet famużi madwar id-dinja li esperjenzaw problemi ta’ saħħa mentali iżda li xorta rnexxew f’ħajjithom u għamlu suċċessi kbar.

Appella biex inżommu quddiem għajnejna l-prevenzjoni mill-mard tas-saħħa mentali wkoll flimkien ma’ prevenzjonijiet oħra li wkoll huma importanti.

Semma wkoll kif il-mard ta’ mard mentali qed jiżdied, bħalma qed jiżdiedu wkoll problemi ta’ dipressjoni li jwasslu għal sitwazzjonijiet diffiċli fuq il-persuni li jkunu qed ibatu minn dawn il-kundizzjonijiet.

Mario Galea qal li hu esperjenza kura għad-dipressjoni u saħaq li ħadd m’għandu jistħi jgħid li qiegħed jieħu kura għad-dipressjoni. Huma ftit li jiddikjaraw li qed jieħdu kura għad-dipressjoni, għaliex fis-soċjetà għad hemm stigma kbira. Huma 26% biss li jfittxu l-kura għad-dipresjsoni u dan minħabba s-saħta tal-istigma tas-soċjetà.

Fisser li l-pazjenti b’mard ta’ saħħa mentali huma nies bla vuċi u ħafna drabi jitħallew għal riħhom għaliex m’għandhomx il-mezzi finanzjarji biex ifittxu u jersqu għall-kura.

Ikkritika lill-Gvern li naqqas is-servizzi lill-pazjenti b’mard ta’ saħħa mentali, u kkritika wkoll li l-Awtorità tad-Djar ma tatx akkomodazzjoni waħda għall-bżonnijiet ta’ pazjenti li jkunu għall-kura fl-Isptar Monte Carmeli.