Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

Comodini Cachia tappella għal iktar ħidma fl-UE kontra t-traffikar tal-bnedmin

L-Ewroparlamentari Nazzjonalista Therese Comodini Cachia, fis-Sessjoni Plenarja fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu, appellat biex l-UE tadotta azzjoni differenti minn dik użata s’issa biex tiġġieled it-traffikar tal-bniedem, b’miżuri li jmorru lil hinn minn dak li ġie ppruvat s’issa mingħajr suċċess.

Quddiem il-Kummissarju Ewropew għall-Immigrazzjoni, Dimitris Avramopoulos, Comodini Cachia qalet li minn fost l-istati membri tal-UE huma l-pajjiżi fil-Mediterran dawk l-iktar li huma milquta minn dan il-fenomenu.

Stqarret li s’issa l-istrateġija tal-UE ma rnexxilhiex tnaqqas in-numru marbuta mat-traffikar tal-immigranti. Qalet ukoll li dan kollu jattakka d-dinjità ta’ min jisfa vittma ta’ traffikar u jhedded ukoll lill-istati membri. Għalhekk, saħqet, li l-UE għandha tagħmel dak kollu possibbli biex twaqqaf dan l-atteġġjament illegali u immorali.

Comodini Cachia rreferiet għall-aħħar każijiet ta’ traffikar ta’ bnedmin b’vapuri tal-merkanzija mit-Turkija lejn l-Italja u li ġew abbandunati mill-ekwipaġġ. Saħqet li l-UE għandha taħdem iktar mill-qrib tal-pajjiżi minn fejn it-traffikanti jixtru l-vapuri jew fejn isibu l-vittmi.

Is-Segretarju tal-Istat tal-Latvja, responsabbli għall-Affarijiet Ewropew, Zanda Kalniņa-Lukaševica, qablet ma’ Comodini Cachia li l-UE għandha ssaħħaħ il-ħidma tagħha f’dan il-qasam “b’miżuri effettivi”. Qalet li l-Kunsill, li tagħha pajjiżha għandu l-presidenza, qed jistenna proposti dwar l-immigrazzjoni biex il-Kummissjoni tippreżentahom bħala parti mill-aġenda Ewropea.

Anke l-Kummissarju Ewropew Avramopoulos qabel li l-Kummissjoni Ewropea trid tieħu azzjoni u appella għal iktar solidarjetà. Ħeġġeġ ukoll iktar kooperazzjoni ma’ pajjiżi bħat-Turkija u dawk fl-Afrika kif ukoll għal iktar sforzi biex liġijiet dwar l-ażil u r-refuġjati jiġu infurzati fl-UE.