Lokali Qorti

Finlandiż mixli li ta daqqiet ta’ flixkun fuq Żabbari jingħata l-pleġġ

Tatu Antero Oksanene, Finlandiż ta’ 33 sena, ingħata l-liberta’ proviżorja fuq depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €20,000 wara li kien mixli li kkaġuna ġrieħi gravi bi flixkun tal-inbid fuq raġel u li pprova jisraq mill-vann tiegħu.

Oksanene jaħdem bħala peacekeeper man-NATO.

L-allegat vittma, Christopher Vassallo, allega li fl-4 ta’ Jannar għall-ħabta tal-4.15a.m. f’Paceville ra barrani jipprova jniżżel it-tieqa tal-vann tiegħu.

Qal li meta pprova jwaqqfu, il-Finalndiż tah bi flixkun għal xejn b’xejn wara li aggredih.
Il-Finlandiż ġie ordnat li jista’ jkun barra biss bejn it-08.00 a.m. u nofsinhar.
L-allegat vittma qal li peress li ra li r-raġel kellu dehra ta’ barrani, kellmu bl-Ingliż u qallu li l-vann kien tiegħu. Madankollu l-barrani wieġbu, “le”.

Vassallo sostna li f’ħin minnhom il-barrani qabdu u tefgħu lejn in-naħa ta’ wara tal-vann imbagħad kisser flixkun mal-bumper, tah daqqa fuq in-naħa tax-xellug ta’ wiċċu u għamillu 12-il punt.
L-allegat vitma qal li hu rnexxielu jaħrab u talab l-għajnuna u kien hemm nies fi stabbiliment li għenuh u ċemplu għall-ambulanza.

Fil-Qorti, Vassallo ħareġ minn ġo basket ġakketta u xalla li kien liebes dakinhar tal-inċident u li, skont hu, għadhom bid-demm fuqhom.

Il-każ qed tinstema’ quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit. L-Avukat Michael Sciriha qed jidher parte civile għal Vassallo, filwaqt li għall-Finlandiż qed jidher l-Avukat Franco Debono.