Wara li fil-ġimgħat li għaddew kienu ppubblikati l-promozzjonijiet ta’ Emergency Ambulance Team Leader fil-Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa, anke wara li sar tibdil fil-kundizzjonijiet tal-applikazzjonijiet biex ikunu aġevolti xi persuni partikulari, issa tressqu oġġezzjonijiet quddiem il-Kummissjoni tas-Servizz Pubbliku (PSC) dwar il-mod disriminatorju kif ingħataw dawn il-promozzjonijiet. Dan ħareġ fi storja ppubblikata fil-harga tal-lum ta’ In-Nazzjon.
Fost il-persuni li nqabżu f’dawn il-promozzjonijiet kien hemm anke xi shop stewards li kellhom esperjenza ferm akbar minn dawk li ħadu l-promozzjoni. Jidher li kollox beda ftit wara l-elezzjoni ġenerali li għaddiet meta żewġ ħaddiema fil-Garaxx tal-Ambulanzi fl-Isptar Mater Dei bdew jinsistu ma’ sħabhom il-ħaddiema biex joħorġu minn membri tal-union tagħhom u jissieħbu fil-GWU. Sar ukoll theddid u bullying fuq sħabhom il-ħaddiema biex jilħqu l-għan tagħhom.
Il-mira taż-żewġ ħaddiema kienet li huma jinħatru shop stewards tal-GWU fil-Garaxx tal-Ambulanzi fl-Isptar Mater Dei. Jidher li fix-xhur li għaddew, dawn iż-żewġ ħaddiema kienu fost dawk li applikaw għal Emergency Ambulance Team Leader wara li fl-4 ta’ Lulju 2014 id-Diviżjoni tas-Saħħa kienet ħarġet sejħa għal din il-pożizzjoni fi ħdan il-Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa. Jirriżulta li aktar tard kien sar tibdil fil-kundizzjonijiet biex ikunu aġevolati nies tal-qalba.
Fil-fatt dokumenti li għandu In-Nazzjon juru li fis-sejħa oriġinali għall-applikazzjonijiet, l-applikanti riedu jkunu fil-pussess ta’ pertinent diploma fil-Livell 5 MQF jew kwalifiki approvati komparabbli, inkella riedu jkunu fi Skala mhux anqas minn 15 bi tliet snin esperjenza ta’ xogħol relevanti. L-applikazzjonijiet kellhom jaslu sa mhux aktar tard mill-Ġimgħa l-25 ta’ Lulju 2014.
Madankollu, wara ħarġet Ċirkulari li qalet li “b’referenza għas-sejħa għall-Pożizzjoni ta’ Emergency Ambulance Team Leader fil-Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa, li ġiet ippubblikata fuq l-intranet tal-Gvern fl-4 ta’ Lulju 2014, qed jiġi nnutat li Paragrafu 5.1 (b) għandu jinqara hekk kif ġej: 5.1 (b) li jkunu Uffiċjali Pubbliċi fi Skala mhux anqas minn Skala 16 flimkien ma’ tliet snin esperjenza ta’ xogħol relatat”. Barra minhekk, id-data tal-għeluq kienet estiża sal-Erbgħa 6 ta’ Awwisu 2014.
Dan ifisser li biex ikunu aġevolati xi nies, ir-rekwiżiti tnaqqsu minn Skala 15 għal Skala 16. Jidher li dan it-tibdil fil-kundizzjonijiet u t-tibdil fid-data tal-għeluq tal-applikazzjonijiet saru biex ikunu aġevolati xi ħaddiema magħrufin għall-kulur politiku tagħhom, fosthom diversi ħaddiema li jaħdmu fil-Garaxx tal-Ambulanzi tal-Isptar Mater Dei.
B’kollox, minn dan il-post tax-xogħol applikaw madwar tmien ħaddiema, fosthom it-tnejn li ġiegħlu lil sħabhom joħorġu mill-union tagħhom u jissieħbu fil-GWU. In-Nazzjon għandu informazzjoni li dawn iż-żewġ ħaddiema kienu fost dawk li ħadu l-promozzjoni bħala Emergency Ambulance Team Leader flimkien ma’ xi ħaddiema oħrajn li kienu aġevolati bit-tibdil li sar fil-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni. Issa l-PSC għandha quddiemha l-oġġezzjonijiet tal-ħaddiema li inqabżu b’mod inġust.
Jirriżulta li dawn il-ħaddiema diġà kienu qed jiftaħru ma’ sħabhom li se jieħdu l-promozzjoni għal din il-kariga, minkejja li r-riżultati kienu għadhom ma ħarġux. Is-salarju marbut mal-pożizzjoni ta’ Emergency Ambulance Team Leader hu ekwivalenti għall Iskala ta’ Salarju 11, li fis-sena 2014 kien ta’ €16,094.98 u jiżdied kull sena b’incriments ta’ €375.17 sa massimu ta’ €18,346.
Sadanittant, is-sitwazzjoni fil-Garaxx tal-Ambulanzi bħalissa hi waħda prekarja, hekk kif il-Garaxx jinsab magħluq minħabba x-xogħol ta’ kostruzzjoni li għaddej fl-Isptar Mater Dei. Ix-xufiera tal-Ambulanzi issa qed joqogħdu f’żewġ kontejners, filwaqt li l-Ambulanzi qed jitħallew barra, anke matul il-lejl. In-Nazzjon hu infurmat ukoll li x-xufiera tal-Ambulanzi qed jitqabbdu jaħslu l-Ambulanzi anke matul il-lejl, f’kesħa x-xoqq l-għadam.
//= $special ?>