Lokali

Il-Forum Unions Maltin jgħid li hemm min irid li l-Air Malta tiġi pprivatizzata

Il-Forum Unions Maltin irreaġixxa għall-istqarrija tal-aħħar jiem tal-MHRA dwar il-ħaddiema u r-ristrutturar tal-Air Malta waqt li akkuża li hemm min għandu l-interess li l-Air Malta tiġi pprivatizzata.

Fi stqarrija, il-President ta’ For.U.M. Paul Pace qal li l-MHRA qed tpoġġi l-parti l-kbira tar-responsabilità għall-qagħda prekarja tal-Air Malta fuq il-ħaddiema.

Innota li l-MHRA ma semmietx lill-“kuntratturi li ilhom is-snin b’kuntratti favorevoli ħafna għalihom” u li sal-lum ġabu lil-linja nazzjonali tal-ajru fuq għarkuptejha.

Paul Pace qal li għalkemm uħud mill-kuntratturi jissemmew fil-pjan ta’ ristrutturar tal-Air Malta, ħadd mhu jagħmel reviżjoni tagħhom. Isemmi b’mod speċifiku kuntratti ma’ operaturi turistiċi, dawk għall-ġarr tal-merkanzija u l-posta, il-kuntratt għall-kirja tal-ajruplani u dak mal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

Fl-istqarrija kompla jgħid li f’laqgħat li l-amministrazzjoni tal-Air Malta kellha mal-ħaddiema, l-istess ħaddiema ħarġu b’ideat dwar kif il-kumpanija tista’ żżid id-dħul tagħha mingħajr ma żżid il-piż fuq il-passiġġieri.

Għalhekk, For.U.M. jistieden lill-Air Malta biex tiddiskuti mal-ħaddiema u mal-kuntratturi biex jinstabu soluzzjonijiet biex il-linja tal-ajru terġa’ tqum fuq saqajha.