Lokali

IL-ĠURNALI DALGĦODU

Ħarsa lejn il-gazzetti pubblikati llum, l-Erbgħa 14 ta’ Jannar.

Fil-faċċata ta’ IN-NAZZJON naraw il-karikatura tal-Profeta Mohammed li tidher fil-ħarġa speċjali tal-magazine Charlie Hebdo. Naqraw ukoll storja dwar ħaddiema tal-ambulanzi li ġew allegatament diskriminati fil-promozzjonijiet li ingħataw dan l-aħħar. F’aħbar oħra, naraw kif il-Gvern ma żvelax kemm se jiswa’ lill-pajjiż il-pakkett finanzjarju miftiehem mill-MTA ma’ l-eks captain ta’ Inter Javier Zanetti.

Il-gazzetta MALTA TODAY tippubblika storja dwar laqgħat li qed isiru fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta minn grupp ta’ Musulmani li qed ixerrdu t-tagħlim tal-Koran fi grupp imsejjaħ Madrassa. Jidher li dan kollu qed jiġi investigaw mis-Servizzi Sigrieti f’pajjiżna.

L-ORIZZONT jikkonferma li l-ftehim dwar l-investiment f’pajjiżna ta’ Bank prominenti mill-Oman jista’ jieħu fit-tul.

THE MALTA INDEPENDENT bi storja dwar il-laqgħa urġenti li ssejħet f’Pariġi kontra t-terrozimu, fejn tikkonferma li Malta ma ġietx mistiedna.

THE TIMES OF MALTA tikkwota statistika miġbura mill-BirdLife, fejn jingħad li f’Ottubru li għadda kien hemm 120 illegalita’ marbuta mal-kaċċa.