Lokali

Il-Gvern għandu jindirizza x-xejra konsistenti tat-tnaqqis fil-produzzjoni industrijali

It-tisħiħ tal-industrija ta’ pajjiżna, b’mod partikolari l-qasam tal-manifattura, sors tal-impjieg għal madwar 30,000 persuna f’pajjiżna hu kruċjali biex l-ekonomija Maltija tissaħħaħ b’mod sostenibbli. Hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista jitħasseb hekk kif għal xahar ieħor l-Ewropa tiċċertifika lill-pajjiżna bħala l-aħħar fl-Ewropa f’dik li hija produzzjoni industrijali.

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija f’isem is-Shadow Minister tal-Finanzi Mario de Marco u l-Kelliem għan-Negozji ż-Żgħar, Manifattura, Kummerċ, Self-Employed u Koperattivi Roberto Arrigo saħaq li bi tnaqqis ieħor ta’ 2.5% matul ix-xahar ta’ Novembru, pajjiżna kompla l-andament negattiv tiegħu li ra tkabbir f’xahar wieħed biss matul l-2014, numri li ċertament ma jawgurawx tajjeb għal prospetti f’dan il-qasam. Fid-dawl ta’ dawn ir-riżultati, il-Partit Nazzjonalista jistaqsi x’ħidma qed issir mill-Malta Enterprise jew tal-Ministeru responsabbli biex jidentifikaw r-raġuni wara dawn id-diffikultajiet, kif ukoll x’inċentivi u inizjattivi qed jiġu adottati biex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni. Tnaqqis fil-produzzjoni jista’ jwassal il-fabbriki biex inaqqsu x-xiftijiet, l-overtime u b’hekk jonqos id-dħul għal ħaddiema.

Il-Partit Nazzjonalista kkonkluda li pajjiżna għandu bżonn viżjoni u strateġija ċara ta’ fejn sejra l-industrija, biex fuq bażi tagħha jkunu jistgħu jerġgħu jiġu offruti skemi u inċentivi li jappoġġjaw it-tkabbir u t-tisħiħ tal-istess industriji, skemi li ħafna minnhom twaqqfu matul din il-leġislatura.