Mistoqsijiet li saru ħames ġimgħat ilu jibqgħu mhux imwieġba
Il-Gvern ma poġġiex fuq il-Mejda tal-Kamra tar-Rappreżentanti l-ftehim kollettiv li l-Gvern iffirma fi Frar tal-2013 mat-tobba, mal-infermiera, u mal-allied healthcare professions, u dan minkejja li l-mistoqsijiet lill-Ministru responsabbli Konrad Mizzi li saru mix-Shadow Minister Claudio Grech, tressqu sitt ġimgħat ilu.
Għall-mistoqsijiet biex il-Gvern jippubblika dawn il-ftehim, il-Ministru għas-Saħħa u l-Enerġija Konrad Mizzi, wieġeb biss fit-tweġiba tiegħu bil-miktub wara dawn il-ġimgħat kollha, li l-informazzjoni tingħata f’seduta oħra.
Id-Deputat Nazzjonalista Claudio Grech staqsa lill-Ministru Joe Mizzi li kien qiegħed iwieġeb minflok il-Ministru Konrad Mizzi li ma kienx preżenti fil-Kamra, x’qiegħed iżomm li l-Gvern li jippubblika din l-informazzjoni.
Il-Ministru Joe Mizzi wieġeb li jista’ jkun il-każ li hemm xi diffikultajiet u li jista’ jkun li hemm xi ħaġa li qed iżomm milli tingħata l-informazzjoni mitluba.
Claudio Grech irrimarka li l-mistoqsijiet biex il-Gvern jippubblika dawn il-ftehim, ilhom li saru l-ġimgħat u semma kif fil-jiem li għaddew, l-istess Ministru Joe Mizzi ma sabx diffikultà jippubblika ftehim kollettiv marbut mal-qasam tat-trasport.
Staqsa, għalhekk, x’qiegħed iżomm lill-Ministru Konrad Mizzi milli jippubblika dawn il-ftehim li mhumiex xi sigriet tal-istat. Semma kif il-ftehim biss mal-infermiera jolqot madwar 4,000 persuna.
Il-Ministru Joe Mizzi baqa’ jinsisti li żgur li hemm xi raġuni li hu ma jafx, u li l-informazzjoni żgur li tingħata f’xi seduta oħra.
//= $special ?>