Lokali

Il-Gvern Malti jkompli jisraq lil familji u negozji Maltin – Iż-żejt jinżel b’aktar minn nofs – PN

Waqt li l-prezz taż-żejt raħas b’iktar min-nofs fl-aħħar sitt xhur, il-petrol u d-diesel f’Malta raħsu biss b’ċenteżmu jew żewġ ċenteżmi.

Dan hu insult għall-familji Maltin u l-Gvern ta’ Joseph Muscat qed jisraq lill-familji u lin-negozji mill-inqas €10 fuq kull €30 diesel fil-ġimgħa.

Il-Partit Nazzjonalista, fi stqarrija, fisser kif il-prezz taż-żejt niżel f’livelli li d-dinja ilha ma tara snin. Il-prezz bħalissa jinsab 44 dollaru l-barmil meta sitt xhur ilu kien iktar minn 100 dollaru l-barmil.
Il-PN qal li iktar ma jgħaddi ż-żmien, iktar qed tikber is-serqa sfaċċata ta’ Joseph Muscat f’dan ir-rigward.

Waqt li kkwota statistika tal-UE ppubblikata fuq is-sit tal-Kummissjoni Ewropea, il-PN qal li l-Maltin qed iħallsu l-ogħla petrol u diesel fl-Ewropa meta wieħed ma jinkludix it-taxxi, u meta wieħed jinkludi t-taxxi jara li ta’ Malta hu t-tielet l-ogħla prezz fost 28 pajjiż.

Marthese Portelli, ix-Shadow Minister għall-Ambjent, Enerġija u Trasport, insistiet mal-Gvern li jippubblika l-kuntratti li bihom xtara ż-żejt. Qalet li dan biex il-poplu Malti jkun jaf jekk hux qed iħallas prezz tant għoli għax il-Gvern intrabat fit-tul bi prezzijiet ferm ogħla mis-suq, jew minħabba raġunijiet oħra.

Qalet li fin-nuqqas ta’ dan, il-Gvern qed ikompli jikkonferma li qed jisraq fil-miftuħ lill-poplu Malti kollu u għalhekk insistiet li l-Gvern jieqaf jidħak bin-nies u jraħħas il-prezzijiet kif ġara madwar l-Ewropa kollha.

WTI Crude Oil 130115

Ritratt: Grafika meħuda mis-sit CNBC li turi l-prezz taż-żejt fl-aħħar xhur.