Lokali Parlament Saħħa

Inizjattiva tal-Oppożizzjoni unika f’pajjiżna u fuq livell Ewropew

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil sejjaħ l-Abbozz ta’ Liġi dwar Stili ta’ Ħajja Sana mressaq mill-Oppożizzjoni li jindirizza u jnaqqas il-problema tal-obeżità, bħala inizjattiva unika f’pajjiżna kif ukoll fuq livell Ewropew għall-innovazzjoni fid-dettal fit-tfassil tal-liġi.

Dan hu abbozz ta’ liġi sħiħ li tfassal u li qiegħed jitressaq għall-ewwel darba minn Oppożizzjoni fil-Parlament.

Dan tfisser u elenkah il-Kap tal-Oppożizzjoni fil-Parlament meta kienet qed tiġi fit-tmiem id-diskussjoni fi stadju tat-Tieni Qari dwar dan l-Abbozz ta’ Liġi li tressaq u tfassal mid-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar.

Simon Busuttil faħħar lil Robert Cutajar għall-impenn, il-ħidma u l-innovazzjoni għall-mod kif l-abbozz ta’ liġi ġie ppreżentat, u kif qiegħed idaħħal diversi innovazzjonijiet u dettal li tagħmel din il-liġi unika fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea bi strateġija għal stili ta’ ħajja b’saħħitha li jbiegħdu mill-mard relatat mal-kundizzjoni tal-obeżità.

Simon Busuttil fisser li dan hu l-mod kif l-Oppożizzjoni qed taħdem. Mhux biss taqbel ma’ liġijiet li ressaq il-Gvern kif għamlet f’90% tal-liġijiet imressqa fil-Parlament f’din il-leġiżlatura, iżda wkoll qed tressaq hi wkoll abbozz ta’ Liġi sħiħ u mhux sempliċiment emendi. Abbozz li qed jippreżenta liġi dwar l-obeżita u s-saħħa f’pajjiżna.

Is-saħħa, spjega Simon Busuttil, hi kollox għall-bniedem u rridu nagħmlu kull mezz possibbli biex nieħdu miżuri biex is-saħħa tan-nies tiġi fuq quddiem tal-aġenda f’pajjiżna biex in-nies iħarsu aktar saħħithom.

Irrifera għall-bidla li wettaq fil-jiem li għaddew tax-shadow cabinett meta ta sinjal li jrid bidla fil-mod kif issir il-politika. Dan hu rifless ukoll fl-Abbozz ta’ Liġi li jindirizza l-problema tal-obeżità li jħares ukoll lejn stil ta’ ħajja differenti – stil ta’ ħajja għal saħħa aktar b’saħħitha u stil ta’ ħajja sana.

Semma l-effetti negattivi li jħallu fuq is-saħħa l-istil ta’ ħajja b’ikel abbundanti u nuqqas ta’ eżerċizzju, u semma kif l-obeżità hi qattielha siekta għalex tnawwar is-saħħa tas-soċjetà b’ħafna diffikultajiet fil-ħajja u b’kundizzjonijiet li jqassru l-ħajja.

Filwaqt li semma’ lista twila ta’ mard ikkawżat minn piż żejjed u mill-obeżità, Simon Busuttil saħaq li l-effett fuq it-tfal hu konsegwenza oħra reali li joħolqu wkoll effetti psikoloġiċi ħżiena.

Semma wkoll il-piż finanzjarju tal-problema tal-obeżità fuq l-ekonomija minħabba li l-kura fuq il-mard relatat mal-obeżità tirrikjedi nefqiet kbar li nistgħu nevitaw u jintefqu fuq kampanji ta’ prevenzjoni.

Filwaqt li appella li l-inizjattiva tal-Oppożizzjoni permezz tal-Abbozz ta’ Liġi dwar Stili ta’Ħajja Sana, tagħti direzzjonii għal ħajja aktar b’saħħitha u aktar sana, semma li diversi studji juru li l-effett ekonomiku mill-kundizzjonijiet tal-obeżità hu kbir daqs il-problemi kkawżati mit-tipjip.

Fisser ukoll li l-akbar effett għall-bniedem hu t-telf tas-serħan il-moħħ għaliex l-obeżità twassal għal sitwazzjoni li fiha l-bniedem jibqa’ dejjem jiġġieled kontra l-piż żejjed.

Semma kif stħarriġ Ewropew juri li minkejja t-temp sabiħ li ngawdu, il-Maltin huma fost l-aktar li jbatu bi ħxuna u fost lanqas li jagħmlu attività fiżika. Dan l-aktar li jirriżulta fiż-żgħar u rrimarka li dan ma jawgurax tajjeb għall-futur ta’ pajjiżna. Fisser li hu għalhekk li din il-liġi qed tħeġġeġ biex il-poplu jkun aktar b’saħħtu u mhux anqas b’saħħtu.

Fisser ukoll kif riċerka fl-UE qed turi li l-obeżità tolqot aktar lil gruppi żvantaġġati. Min hu fqir jista’ jintlaqat aktar mill-problema tal-obeżità għaliex minħabba riskju ta’ faqar, jintefqu flus fuq ikel li hu anqas ta’ ġid għal saħħitna u li jikkawża ħxuna żejda.

Appella għal għażliet favur ikel bnin. Ir-riċerka turi li l-isfida biex negħlbu l-obeżità mhix impossibbli u l-aktar tliet azzjonijiet effettivi huma ikel bil-qis u nutrittiv, eżerċizzju regolari, u li jinqata’ t-tipjib u ma jkunx hemm esaġerazzjoni fix-xorb alkoħoliku.

Kien dan il-ħsieb tal-Oppożizzjoni meta ppreżentat dan l-Abbozz ta’ Liġi li għandu jgħaqqad u jżid l-isforzi ta’ pajjiżna biex kulħadd isegwi pariri għal ħajja aktar b’saħħitha.

Dan hu messaġġ ukoll għall-ġenituri u l-familji biex is-saħħa tkun stil ta’ ħajja bi drawwiet tajbin u sa minn età żgħira. Liġi b’messaġġ lill-ġenturi biex ipoġġu lit-tfal fit-triq għal ħajja sana u mhux ta’ obeżità.

Simon Busuttil qal li l-Abbozz tfassal mill-Oppożizzjoni wara studju bir-reqqa, konferenza nazzjonali u taħditiet mal-esperti u l-konsulent.

Awgura għal kunsens tal-Kamra biex il-liġi tkun l-aqwa għall-poplu għal ħajja mimlija snin, u snin mimlija ħajja.