Sinjal qawwi ta’ Oppożizzjoni kostruttiva mhux biss bil-kliem iżda wkoll bl-azzjoni kif qed tagħmel bl-Abbozz ta’ Liġi dwar Stili ta’ Ħajja Sana
L-Oppożizzjoni se tkun qed torganizza Konferenza Nazzjonali dwar l-Obeżità bis-sehem ukoll ta’ esperti barranin hekk kif il-Partit Nazzjonalista qiegħed jagħti sinjal qawwi li hu Oppożizzjoni kostruttiva u proattiva mhux biss bil-kliem iżda wkoll bl-azzjoni kif qed tagħmel bl-Abbozz ta’ Liġi li ppreżentat fil-Parlament dwar Stili ta’ Ħajja Sana biex titnaqqas il-problema tal-obeżità.
Id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar tkellem fil-Parlament dwar l-importanza li l-Parlament qed jagħti bis-sehem u bl-appoġġ tad-deputati miż-żewġ naħat tal-Kamra, fl-għeluq tad-diskussjoni fl-istadju tat-Tieni Qari – liema abbozz kien approvat u sekondat ukoll mid-Deputat Laburista Godfrey Farrugia.
Robert Cutajar fisser li l-Abbozz se jkompli jkun diskuss b’mod dettaljat fl-istadju ta’ Kumitat fejn mistenni jkompli jsir aktar emendi għal titjib ta’ dan l-Abbozz ta’ Liġi li fisser ukoll li ngħata importanza fuq il-media f’pajjiżna kif ukoll issemma f’media wkoll barranija bħalma hu Sky News.
Dan hu biss il-punt tat-tluq tad-direzzjoni fejn irridu mmorru dwar il-problema u l-epidemija tal-obeżità, u dan biex isiru l-passi li jmiss li jittieħdu b’kuraġġ. Kif qalu ħafna deputati taż-żewġ naħat tal-Kamra, fejn jidħol is-saħħa għandu jkun hemm il-kuraġġ biex nagħtu dak li jixraq fis-saħħa lill-poplu tagħna.
L-Oppożizzjoni se tkun qed temenda l-Abbozz biex ikompli jissaħħaħ il-Kunsill Konsultattiv, bħalma hi r-rappreżentanza ta’ Occupation Therapist.
Ħabbar ukoll konferenza nazzjonali dwar l-obeżità li se ssir fil-ġimgħat li ġejjin bis-sehem ta’ esperti barranin li se jindirizzaw il-konferenza.
Irrifera wkoll għal dak li qal l-uffiċjal għoli tal-WHO f’pajjiżna, li l-Abbozz ta’ Liġi dwar Stili ta’ Ħajja Sana hi konformi mad-dokument tal-WHO 2020. Fisser li hu għalhekk li l-Parlament għandu jaħdem flimkien u jaqbel biex tiddaħħal din il-liġi.
Irrifera wkoll għall-kummenti li saru mis-Segretarju Parlamentari dwar dan l-Abbozz ta’ Liġi, fosthom dwar il-kampanji ta’ reklamar għal ikel mhux nutrittiv fuq ix-xandir; kif ukoll dwar il-persuna li għandha tmexxi l-Kunsill Konsultattiv. Robert Cutajar qal li dwar dan hemm lok fejn wieħed jiddiskuti u jaqbel ukoll dwar dan.
Fisser ukoll li hu l-Kunsill Konsultattiv li għandu jiddeċiedi dwar miżuri importanti favur is-saħħa ta’ wliedna bħalma hu t-tip ta’ ikel li hu permess li jinbiegħ fil-viċinanzi tal-iskejjel, u kemm dawn il-bejjiegħa għandhom ikunu bogħod mill-istituzzjonijiet edukattivi.
Tkellem ukoll dwar l-importanza tal-open air gyms u saħaq li l-Gvern għandu jiċċara l-viżjoni tal-Gvern li Segretarju Parlamentari tkellem favur dawn l-open air gyms, u membri oħrajn tal-istess Gvern jesprimu xettiċiżmu.
Tkellem ukoll dwar is-sehem importanti tal-Kunsilli Lokali u l-importanza ta’ ring fencing biex ikollhom riżorsi finanzjarji wkoll biex ikunu huma strumentali biex nibdlu d-drawwiet u l-kultura favur saħħa aktar b’saħħitha, u dan b’miżuri adegwati favur edukazzjoni u attività fiżika aktar fil-komunitajiet tagħna.
Dwar it-twaqqif tal-lifestyle clinics, Robert Cutajar qal dan hu tajjeb li dawn isiru u jissaħħu, iżda semma kif il-Kunsilli wkoll għandhom sehem importanti x’jagħtu f’dan ir-rigward.
Id-Deputat Nazzjonalista semma wkoll l-importanza li l-Abbozz ta’ liġi qed jagħti lill-anzjani, u semma kif irridu naraw li hawn ukoll ikunu qed jittieħdu miżuri adattati u dan għandu jirrifletti fit-tmexxija taċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum, b’kampanji ta’ edukazzjoni indirizzati lill-anzjani li jridu jkunu wkoll aġġornati dwar l-istili li qed nippromwovu favur ħajja aktar b’saħħitha, anke fl-ikel li jingħataw lit-tfal.
Liġi, fisser Robert Cutajar, bis-sehem ta’ kulħadd biex il-pajjiż ikollu liġi ta’ ġid u li tkun qed tagħmel ġieħ u li jixraq lill-poplu Malti.
//= $special ?>