Is-soluzzjoni għal din il-kwistjoni Ewropea għandha tkun soluzzjoni Ewropea, jiġifieri mill-pajjiżi kollha tal-UE
Waqt dibattitu fil-Parlament Ewropew dwar it-traffikar tal-persuni fil-Mediterran, l-MEP Nazzjonalista Roberta Metsola sejħet għal strateġija ħolistika biex jiġi indirizzat dan it-traffikar illegali li jsir minn nies li jabbużaw minn dawk li huma l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà tagħna.
Hi u tirreferi għax-xejra ġdida tal-hekk imsejħa ghost ships, Roberta Metsola qalet li dawn il-bċejjeċ tal-baħar li huma għar-rimi, jimxu għal riħhom lejn l-Ewropa mingħajr ekwipaġġ.
“Ir-ritratti li rajna ta’ nies vulnerabbli jibqgħu jkexkxuna għal għomorna. Rajna nies f’ammonti kbar. Qed nissugraw li jkollna traġedja oħra fil-Mediterran.”
L-Ewroparlamentari tal-PPE żiedet tgħid li l-UE trid taħdem ma’ pajjiżi terzi biex dan it-traffikar jieqaf, u jrid ikollha l-kuraġġ politiku li teżamina x’azzjonijiet fit-tul jistgħu jittieħdu u li jmorru lil hinn mill-mandat politiku. Iridu jiġu esplorati alternattivi oħra legali dwar l-immigrazzjoni.
“Iva, irid ikollna l-kuraġġ li ngħidu li din il-kwistjoni tal-immigrazzjoni ma tistax tintrefa’ biss mill-pajjiżi Mediterranji fil-periferija tal-Ewropa. Kull Gvern Ewropew għandu jħoss responsabbiltà bħalma jħossuha Malta u l-Italja. Mhux aċċettabbli li jkun hemm min jaħrab mir-responsabbiltà sempliċement għax hu mhux qiegħed fil-Mediterran,” saħqet Metsola.
Fl-intervent tagħha hi nnutat kif fl-aħħar sena u nofs, il-Parlament Ewropew approva żewġ riżoluzzjonijiet li sejħu għat-teħid ta’ azzjoni fil-Mediterran u insistiet li l-Kunsill issa jrid jieħu azzjoni.
//= $special ?>“Din hi kwistjoni Ewropea u jeħtieġ li jkun hemm soluzzjoni Ewropea, jiġifieri mill-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Ma jistax ikun li jkun hemm pajjiżi li jgħaddsu rashom fir-ramel u jfarfru minn fuq spallejhom ir-responsabbiltà li għandhom.”