Lokali Parlament

Mingħajr il-proklama ma setgħu jittieħdu proċeduri kontra ħadd

Kien il-Kummissarju tal-Pulizija tal-lum Michael Cassar li kien semma li tingħata proklama

L-eks-Prim Ministru Lawrence Gonzi saħaq quddiem il-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi llejla, li mingħajr il-proklama fl-investigazzjonijiet li kienu għaddejjin fil-bidu tal-2013 b’rabta ma’ allegazzjonijiet ta’ ksur tal-liġi fix-xiri taż-żejt, ma setgħux jittieħdu proċeduri kontra xi ħadd.

Spjega wkoll li kien il-Kummissarju tal-Pulizija tal-lum, Michael Cassar, li kien semma li tingħata proklama lil persuna, u li din kienet neċessarja għaliex kien ċert li l-persuna interrogata kienet strumentali biex toħroġ l-informazzjoni u l-verità.

Lawrence Gonzi qal dan meta llejla ta spjegazzjoni tal-fatti kif seħħew b’mod dettaljat hekk kif kien żvelat fil-media fil-bidu tal-2013, l-allegazzjonijiet marbuta ma’ reati dwar ix-xiri taż-żejt.

Ma kien hemm ebda allegazzjonijiet simili wara l-2005
Lawrence Gonzi enfasizza wkoll li l-allegazzjonijiet saru b’rabta mal-perjodu qabel l-2005 u ma jirriżulta mkien fl-investigazzjonijiet tal-Pulizija, li kien hemm xi allegazzjoni oħra simili fil-perjodu ta’ wara u fi żmien meta hu kien Prim Ministru.

Lawrence Gonzi għamel dikjarazzjoni dettaljata li qara quddiem il-membri tal-Kumitat Parlamentari presedut mid-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, bl-iskop li jkun ċar u preċiż dwar l-informazzjoni u l-fatti kif jaf hu b’rabta mal-każ.

Lawrence Gonzi qal li sar jaf bl-allegazzjonijiet mill-gazzetta fil-bidu tal-2013, liema allegazzjonijiet kienu serji. Irrealizza malajr li l-investigazzjonijiet ma kinux se jkunu faċli.

Spjega wkoll li l-allegazzjonijiet kienu marbuta mal-perjodu ta’ qabel ma kien Prim Ministru hu, u ried ikun jaf jekk dawn komplewx meta hu kien Prim Ministru. Dejjem emmen li investigazzjonijiet dwar reat isiru mill-Pulizija tal-pajjiż, u mhux mill-politiċi.

Ikkomunika minnufih mal-Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo
Lawrence Gonzi spjega li kien għalhekk li kien ikkomunika minnufih mal-Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo, u kien ta struzzjonijiet biex jinvestiga l-allegazzjonijiet kollha u jieħu passi skont dak li jirriżulta.

Fl-istess ġurnata, fakkar li kienet ħarġet stqarrija mill-uffiċċju tiegħu li kien talab lill-Kummissarju jinvestiga.
Saħaq li mhux veru li qabel dakinhar, kien hemm membru tas-sigurtà tiegħu li kien għaddielu xi file b’rabta mal-każ. Hu qal li kien ċaħad dan minkejja li l-allegazzjoni baqgħet issir.

Kien hemm stqarrijiet uffiċjali dwar fatti fil-każ imsemmi, u ta kummenti lill-ġurnalisti biex ikun assigurat u ċar li jittieħdu passi kontra kull min kiser il-liġi. Spjega wkoll li għaxart ijiem wara, ta kumment lil The Times fejn iddikjara lli kien lest jagħti proklama lil min ikun lest jgħid il-verità fil-każ.

Ġurnata wara l-Kummissarju John Rizzo infurmah li seta’ kien hemm każ fejn ikun hemm żvolta, u talab għal proklama lil persuna biex jinkixef il-każ u jkunu jistgħu jitressqu l-każi fil-Qorti.

L-għada tal-proklama bdiet tingħata l-informazzjoni lill-Pulizija
Kien infurmat ukoll li l-għada tal-proklama, bdiet tingħata l-informazzjoni lill-Pulizija fl-interrogazzjonijiet li kienu qed isiru.

Lawrence Gonzi spjega wkoll li saru diversi laqgħat biex titfassal il-proklama. Kien hemm argumenti li minflok proklama jkun hemm mezzi oħra, iżda qal li emmen li dawn id-deċiżjonijiet ma jittiħdux mill-politiċi iżda minn esperti li jagħtu l-pariri.

Il-pariri tal-Avukat Ġenerali kien li tinħareġ il-proklama b’kundizzjonijiet. Il-proklama imponiet li mhux biss tgħid kull ma taf, iżda wkoll li tirrifondi lill-Gvern kwart ta’ milun ewro u kull ammont ieħor minn kull att illeċitu.

Waqt li kien imsiefer għal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew fi Brussell bejn is-7 u 8 ta’ Frar tal-2013, kien infurmat li ntlaħaq qbil dwar il-proklama u ngħata parir biex ilaqqa’ l-Kabinett biex jingħata parir lill-President għall-proklama.

Ma kien hemm ebda suspett fuq xi membru tal-Kabinett
L-Avukat Ġenerali infurmah li l-Kostituzzjoni tgħid li l-President għandu jaġixxi skont il-parir tal-Kabinett.
Lawrence Gonzi qal li qabel ma sejjaħ laqgħa tal-Kabinett, talab biex ikun infurmat jekk jirriżultax li kien hemm xi investigazzjonijiet fuq xi membru tal-Kabinett. John Rizzo kien wieġeb li m’hemm ebda suspett fuq xi membru tal-Kabinett, u li deċiżjoni mill-Kabinett favur proklama ma toħloq ebda problema fil-proċess tal-approvazzjoni tal-proklama. Fisser li kien laqqa’ l-Kabinett fil-preżenza tal-Kummissarju tal-Pulizija u tal-Avukat Ġenerali biex jispjegaw ir-raġunijiet tal-proklama huma lill-Kabinett.

L-Avukat Ġenerali kien spjega l-proklama u l-kundizzjonijiet kollha, u li d-depożitu kellu jsir fi żmien ħamest ijiem mill-għoti tal-proklama, u jekk ma jsirx id-depożitu, il-proklama taqa’.

Il-Pulizija bdiet tinvestiga u tressaq minnufih persuni b’arrest il-Qorti
Il-Kabinett kien ta parir lill-President ta’ Malta biex tinħareġ il-proklama kif abbozzata, u li għaliha kien hemm emendi żgħar għall-verżjoni finali, fosthom li kienet il-persuna stess li għamlet it-talba u li kienet qed taqbel mal-kontenut tal-proklama. Minn dak il-ħin ‘il quddiem, il-Pulizija bdiet tinvestiga u bdiet mill-istess xahar tressaq persuni b’arrest il-Qorti.

Mistoqsijiet mill-membri tal-Gvern
Għall-mistoqsijiet li għamlu l-membri tal-Gvern, Lawrence Gonzi qal li hu kien iċċara s-sitwazzjoni mal-eks-Ministru Tonio Fenech meta kien talab kjarifika dwar l-arloġġ li ngħata Tonio Fenech, u sostna li hu ma kienx konxju ta’ xi rigali li jingħad li seta’ ngħata lill-PN.

L-eks-Prim Ministru Gonzi kompla li meta sar Prim Ministru, hu ngħata informazzjoni dwar il-qagħda ta’ kull settur, u kien żamm ir-responsabbiltà tal-finanzi taħt ir-responsabbiltà tiegħu minħabba l-bidla għall-ewro u għall-fatt li din kienet sfida kbira. Fost l-informazzjoni li hu ngħata kien hemm dwar l-Enemalta, iżda dawn ma kkonċernawx ix-xiri taż-żejt għaliex dak iż-żmien dan ma kienx meħtieġ.

Filwaqt li tenna li l-allegat ksur tal-liġi kien seħħ qabel l-2005, Lawrence Gonzi kompla li meta l-prezz taż-żejt beda jogħla saru diversi laqgħat wara l-2008 dwar il-hedging u d-deċiżjonijiet li kellhom jittieħdu. Lawrence Gonzi kompla li hu qatt ma kellu allegazzjonijiet dwar illegalitajiet fix-xiri taż-żejt.

Mistoqsi dwar allegazzjonijiet magħmula mill-MOBC, Lawrence Gonzi qal li l-metodu korrett għandu jkun li l-informazzjoni tingħata lill-Pulizija. Kull informazzjoni għaddiet lill-pulizija iżda ma kien irriżulta xejn fuq l-allegazzjonijiet dwar l-MOBC.

Fix-xhieda tiegħu l-eks-Prim Ministru Lawrence Gonzi qal li mhux minnu li hu ltaqa’ ma’ George Farrugia fuq xogħol.

Pariri minn kumpaniji barranin fil-perjodu tal-impatt tal-prezz internazzjonali taż-żejt
Lawrence Gonzi qal li fil-perjodu tal-impatt tal-prezz internazzjonali taż-żejt meta hu kien Prim Ministru, ittieħdu pariri minn kumpaniji barranin dwar kif jinxtara ż-żejt. Spjega li l-bidliet li l-Ministru Gatt kien għamel kienu propju biex ikun hemm iktar kontabbiltà, iżda kien hemm persuni li ma ħadux pjaċir b’dawn id-deċiżjonijiet.
Lawrence Gonzi qal li l-Awditur Ġenerali bl-ebda mod ma ta xi indikazzjoni ta’ irregolarità mill-2004 ‘il quddiem.

Għal aktar mistoqsijiet tal-membri tal-Gvern, Lawrence Gonzi qal li “Lili ma kinux jiġbduli l-attenzjoni dwar l-irregolaritajiet għaliex kienu waqfu, għalkemm jien ridt inkun naf jekk dan l-aġir kompliex taħt it-tmexxija tiegħi”.

Xi ħadd qallu, sostna Lawrence Gonzi, li dawn twaqqfu għaliex inbiddlu n-nies u kienu ttieħdu deċiżjonijiet amministrattivi.

Lawrence Gonzi spjega wkoll il-miżuri li ttieħdu u l-bidliet li twettqu meta sar Prim Ministru. Dawn il-bidliet saru għaliex ħadd ma kellu jkollu ċens perpetwu fuq l-amministrazzjoni ta’ entitajiet pubbliċi.

L-eks-Prim Ministru kompla li kien il-Kabinett tal-Ministri li approva lil Alex Tranter bħala Chairman tal-Enemalta. Il-proċedura kienet li l-ebda ministru ma javviċina persuna qabel ikun hemm l-approvazzjoni.
Lawrence Gonzi qal li hu kien ta direttiva li jinbidlu ċ-chairpersons.

Quddiem mistoqsijiet ripetuti tal-membri tal-Gvern, Lawrence Gonzi rrimarka li l-linja tal-mistoqsijiet li qed isirulu hi bl-intenzjoni li jwasslu biex tingħata l-impressjoni li l-proklama ma kinitx importanti, filwaqt li tenna li l-proklama wasslet biex toħroġ il-verità u jitressqu l-każijiet quddiem il-Qorti.

L-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija baqgħu sal-aħħar bil-parir lill-Kabinett li tingħata l-proklama
Għal aktar mistoqsijiet dwar min ippropona l-proklama, Lawrence Gonzi saħaq li l-Kabinett baqa’ sal-aħħar bil-parir tal-Avukat Ġenerali u tal-Kummissarju tal-Pulizija biex tingħata l-proklama biex tinħareġ il-verità, tingħata l-informazzjoni lill-Pulizija biex jittieħdu passi kriminali.

Lawrence Gonzi tenna li John Rizzo kien mar Kastilja biex jinformah bl-iżviluppi dwar il-proklama wara li kien ta l-kummenti hu, bħala Prim Ministru, lill-media dwar il-possibbiltà ta’ proklama. Il-Kummissarju tal-Pulizija kien konvint li bil-proklama kienet se tingħata aktar informazzjoni f’idejn il-Pulizija.

Qabel ma kienet aġġornata s-seduta tal-Kumitat għall-ħabta tad-9.25pm, wara li Lawrence Gonzi kien ilu jixhed għal madwar sagħtejn u kwart, il-membri tal-Gvern infurmaw lill-Kumitat, li jonqos seduta oħra ta’ mistoqsijiet li jridu jagħmlu lill-eks Prim Ministru.