Il-Viċi-Sindku ta’ Ħal Safi u President tal-Kumitat tal-Partit Laburista fil-lokal, Johan Mula, irid li Malta twaqqaf il-proċedura Schengen biex l-ivjaġġar bejn pajjiżi Ewropej ma jibqax ikun ħieles kif inhu llum.
Mula, li hu uffiċjal tal-immigrazzjoni fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, qal li hu u l-kollegi tiegħu kemm-il darba ssuspettaw li Alġerini u persuni oħra qed jivvjaġġaw lejn Malta bl-iskuża ta’ btala u mbagħad minn Malta jmorru lejn pajjiżi oħra fl-Ewropa fosthom Franza.
Fuq kumment fuq Facebook u f’kummenti lill-ġurnal The Times il-Viċi-Sindku ta’ Ħal Safi, li se jerġa’ jikkontesta l-elezzjoni tal-kunsill, qal li hu jaqbel 100% mal-artiklu ta’ Marine Le Pen, li fi Franza tmexxi l-partit ta’ lemin estrem, li qed tappella lill-President Franċiż biex iwaqqaf il-proċeduri ta’ Schengen.
B’Schengen, il-Maltin bħall-bqija taċ-ċittadini Ewropej, jistgħu jivvjaġġaw minn pajjiż għall-ieħor mingħajr ma jiġu mwaqqfa biex jiġu kkontrollati il-passaporti, li madankollu jiġu ċċekkjati għal min ikun ġej minn barra l-UE.
Mula qal li hu moralment konvint li persuni mill-Afrika ta’ Fuq qed jgħaddu minn Malta imma mhumiex ġenwini. Spjega li kull meta hu u sħabu ppruvaw iwaqqfuhom ingħataw struzzjonijiet “minn fuq” biex iħalluhom jgħaddu jekk ikollhom il-viża. Qal li għalhekk dawn għandhom jassumu r-responsabilità.
//= $special ?>