Il-Kuntistabbli Mario Portelli jew PC99, li hu x-xhud ewlieni fil-każ kontra l-Avukat David Gatt, spiċċa boarded out u għalhekk m’għadux fil-Korp tal-Pulizija.
Gatt, ta’ 44 sena minn Birkirkara, qed jiffaċċa 14-il akkuża fosthom li kien il-moħħ wara diversi serqiet inkluż mill-bank HSBC f’Ħal Balzan fl-2007, meta kienu nserqu kważi miljun ewro, u mill-attentat ta’ hold-up fiċ-Ċentru tal-HSBC f’Ħal Qormi f’Ġunju tal-2010.
Qed jiġi mixli wkoll b’kompliċita’ f’reati kriminali li jinkludu l-attentat ta’ hold-up fuq sid tal-istabbiliment Gold Market f’Ħ’Attard f’Diċembru tal-2010, b’sehem f’attentat ta’ serq fuq vann f’Santa Venera f’Jannar tal-2009, u li kien qed iġorr fi flus is-somma ta’ €2.8 miljun.
L-Assistent Kummissarju Mario Spiteri, mit-taqsima tar-Riżorsi Umani tal-Pulizija, fil-Qorti qal li ħames xhur ilu tliet tobba waslu għal konklużjoni li l-kuntistabbli Portelli ma jistax ikompli jaħdem fil-Korp tal-Pulizija.
Quddiem il-Maġistrat Tonio Micallef Trigona, ħareġ li fis-seduta li jmiss se jiġu ppreżentati r-rapporti li saru mit-tobba dwar il-qagħda medika ta’ PC99 u għaliex kellha tittieħed id-deċiżjoni li dan kellu jiġi liċenzjat mill-Korp tal-Pulizija.
Għall-Avukat Gatt qed jidher l-Avukat Joe Giglio filwaqt li l-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Joseph Mercieca u Michael Mallia.
//= $special ?>