Raġel spiċċa arrestat, fl-Istati Uniti, talli allegatament kien qed jippjana attakk fuq is-sede tal-Kungress Amerikan f’Capitol Hill, f’Washington. Qed jingħad li dan il-kumplott kien ispirat mill-‘jihadisti’ tal-Grupp Stat Iżlamiku (ISIS).
Christopher Cornell, li għandu 20 sena, spiċċa f’idejn il-pulizija wara li xtara l-armi semi-awtomatiċi u munizzjon fl-Istat ta’ Ohio. Intant, id-Dipartiment tal-Ġustizzja qal li Cornell hu akkużat ‘talli pprova joqtol uffiċjali u impjegati tal-Istati Uniti’. Akkuża oħra hi li Cornell inqabad fil-pussess ta’ arma tan-nar bil-ħsieb li jwettaq reat vjolenti.
Ir-rapporti qalu li Cornell irreġistra fuq ‘Twitter’ taħt il-psewdonomu ‘Raheel Mahrus Ubaydah’ fejn bagħat il-messaġġi li jappoġġjaw lill-militanti tal-ISIS. Mifhum anki li Cornell kien jibgħat il-messaġġi lil persuna mal-FBI li, min-naħa tagħha, qed tgħaddi l-informazzjoni lill-pulizija dwar l-attivitajiet kriminali.
F’waħda mill-messaġġi, l-arrestat tenna l-ħsieb ‘li għandhom iwettqu jihad ( gwerra qaddisa) fuq l-inizjattiva tagħhom, minbarra li jippjanaw huma l-attakki’. Cornell żied li kien qed jaħseb biex iwettaq diversi attakki u meta l-miri kellhom ikunu uffiċjali Amerikani f’Washington.
//= $special ?>