“L-Attakki terroristiċi f’Pariġi huma attakk fuq il-valuri u l-libertajiet li fuqhom inbniet l-Ewropa. Wara li jgħaddi x-xokk, l-isfida fil-qasam tas-sigurta’ hi li l-awtoritajiet jibqgħu pass qabel il-kriminali u t-terroristi iżda fl-istess waqt ikunu mħarsa il-libertajiet taċ-ċittadini.”
Sostna dan il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Simon Busuttil mal-Korp Diplomatiku waqt riċeviment fid-Dar Ċentrali. Hu qal li t-tweġiba mhux li tiddghajjef iz-zona Shengen għaliex il-liberta’ ta’ ċaqlieq ta’ persuni hi s-sisien ta’ dik li hi l-Unjoni Ewropea. Fl-istess waqt, mexxejja iridu joqgħodu attenti li dawn l-attakki ma jwasslux biex il-popli jaqgħu fin-nassa tar-razziżmu u x-xenofobija.
Simon Busuttil qal li l-liberta’ tal-espressjoni hu valur li ismu miegħu – liberta’ – li m’għandhiex titrażżan bil-qtil jew b’daqqiet ta’ frosta.
Il-Kap tal-PN irrefera għall-każ tal-blogger Saudi Raif Badawi li kien ikkundannat għal 10 snin ħabs u 1,000 daqqa ta’ frosta. Hu appella lill-komunita’ internazzjonali biex tintervjeni f’dan il-każ.
Dwar il-Libja, Simon Busuttil qal li l-PN jilqa’ b’sodisfazzjon it-taħdidiet li qed isiru bħalissa bejn il-fazzjonijiet rivali f’Ġinevra. Tenna li l-Libja ma tistax titħalla tikkollassa u esprima t-tama li jitwaqqaf Gvern ta’ Għaqda Nazzjonali u li ssir riforma kostituzzjonali. Appella wkoll lill-Gvern Malti biex jibqa’ jsegwi din is-sitwazzjoni u jżomm il-poplu infurmat.
L-Immigrazzjoni tibqa’ fuq quddiem tal-agenda u l-Kap tal-PN esprima d-diżappunt għan-nuqqas ta’ rispons minn pajjiżi Ewropej għall-isfidi li qed jiffaċċjaw pajjiżi bħal Malta li jinsabu fil-fruntiera.
Hu qal li r-regoli ta’ Dublin II huma skaduti u ma jwieġbux għall-isfidi tal-immigrazzjoni. Simon Busuttil qal li din il-problema għandha tkun trattata bis-saħħa iżda mingħajr populiżmu.
Dwar il-Presidenza ta’ Malta tal-UE sentejn oħra, Simon Busuttil tenna mill-ġdid il-ko-operazzjoni tal-PN lill-Gvern sabiex il-Presidenza tkun waħda suċċess. Hu qal li dan hu avveniment importanti wisq biex il-Gvern ma jużax ir-riżorsi u t-talenti tal-pajjiż kollu. Fl-istess żmien, il-PN se jkun qed jospita summit straordinarju tal-Partit Popolari Ewropew f’Malta.
Fl-aħħarnett, il-Kap tal-PN tkellem dwar l-Ukrajna u appella għal ħidma biex ikun mm tranżizzjoni paċifika li tirrispetta l-integrita’ territorjali tal-pajjiż u l-aspirazzjonijiet tal-poplu Ukren.
//= $special ?>