Lokali

Direttivi mit-tobba possibbli mit-Tnejn li ġej

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija qed tikkunsidra li minn nhar it-Tnejn, tobba miċ-ċentri tas-saħħa ma jibqgħux iżuru pazjenti fi djarhom.

Dan għax kien hemm żieda fit-talba tas-servizz fiċ-ċentri tas-saħħa stess u diġà hu diffiċli għalihom biex ilaħħqu mal-pazjenti li jkunu marru fiċ-ċentri tas-saħħa.

Il-MAM spjegat li bħal kull sena, pazjenti jiġu moqdija skont l-urġenza tal-każ u skont linji-gwida stabbiliti. B’hekk iċ-ċentru tas-saħħa jkun jista’ jibqa’ joffri servizz effiċjenti lill-pazjenti.

L-Assoċjazzjoni uriet diżappunt għal artikli fl-istampa li kkundannaw dik li tqieset bħala atteġġjament mhux aċċettabbli meta, skont il-MAM, qed ikun hemm talbiet għal żjarat tat-tobba fid-djar sempliċement minħabba kwistjoni ta’ kumdità. Qalet ukoll li tobba qed jiġu suġġetti għal lingwaġġ abbużiv.

Il-MAM ikkundannat lit-tmexxija taċ-ċentri tas-saħħa li, qalet, titlob lit-tobba biex jimxu skont prijorità imma mbagħad ma tiddefendihomx pubblikament.

Appellat lill-Ministeru tas-Saħħa biex jikkundanna abbuż verbali fuq it-tobba waqt il-qadi ta’ dmirijiethom u talbitu jispjega l-policy tiegħu stess minflok iħalli r-rabja fost il-pubbliku tiżdied għalxejn.

Wissiet li jekk is-sitwazzjoni tibqa’ kif inhi, qed tikkunsidra bis-serjetà li min-nhar it-Tnejn it-tobba ma jibqgħux jagħmlu żjarat fid-djar.