Lokali Qorti

Ħames xhur ħabs u multa wara li ttraffika l-kannabis

Johann Calleja, ta’ 29 sena, mar ħames xhur ħabs u ġie mmultat €600 wara li ammetta fil-Qorti li ttraffika l-kannabis. Il-każ seħħ f’Mejju tas-sena oħra.

Fl-għoti tas-sentenza tagħha, il-Qorti kkunsidrat għadd ta’ fatturi fosthom li l-imputat ikkopera mal-Pulizija waqt l-investigazzjoni, ammetta l-involviment tiegħu u semma’ lil terzi persuni li fornewh bid-droga.

Il-Qorti qieset ukoll li l-ammont ta’ droga kien wieħed minimu. Mill-provi jirriżulta li l-imputat kien ġie avviċinat minn erba’ żgħażagħ li kienu talbuh informazzjoni dwar minn fejn setgħu jakkwistaw il-kannabis. L-imputat xtara bi €23 kannabis għaż-żgħażagħ u għaddihielhom.

Il-Qorti qieset ukoll il-kondotta ta’ Calleja li meta wettaq ir-reat kellu kondotta nadifa. Illum, iż-żagħżugħ qed jiskonta sentenza l-ħabs sal-2017 fosthom dwar miżapproprijazzjoni, serq aggravat, ħsara volontarja, theddid, pussess sempliċi ta’ droga eroina f’żewġ okkażjonijiet, pussess sempliċi ta’ kokaina fi tliet okkażjonijiet, raża tal-kannabis u ecstacy.

Il-Qorti ddeċidiet li ż-żagħżugħ jerġa’ jitqiegħed taħt att ta’ probation biex jiġi segwit bil-għan ukoll li jirrijabilita ruħu mid-droga u jiġi megħjun biex ikollu akkomodazzjoni ladarba joħroġ mill-ħabs. Iż-żagħżugħ tilef il-ġenituri tiegħu u m’għandux qraba li jistgħu jagħtuh appoġġ.